Ajru Uniku Ewropew – il-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni tista’ ma tkunx biżżejjed

Il-Kummissjoni Ewropea u l-partijiet interessati tal-avjazzjoni għandhom jerġgħu lura għall-fażi ta’ diskussjoni biex jiċċaraw l-ambizzjoni tar-Regolament il-ġdid dwar l-Ajru Uniku Ewropew (SES), jgħid il-KESE f’opinjoni li għadha kif ġiet adottata.

Fil-fatt, għadu mhux ċar jekk l-abbozz tal-proposta tal-Kummissjoni hux se jkun biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet oriġinali tal-SES f'termini ta’ tnaqqis ta' emissjonijiet ta’ CO2 u titjib tal-effiċjenza tal-immaniġġjar tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi ta' navigazzjoni tal-ajru (ATM/ANS).

Il-KESE ta prijorità lill-kwistjoni f'opinjoni abbozzata minn Dumitru Fornea u adottata fis-sessjoni plenarja.

Meta kkummenta waqt id-dibattitu, is-Sur Fornea qal: "il-funzjoni tal-maniġer tan-network għandha tiġi ċċarata, speċjalment l-ambitu ġenerali u l-impatt tiegħu fuq l-ippjanar tal-linji tal-ajru, il-ġestjoni tal-kapaċità, id-disinn tal-ispazju tal-ajru, l-ambjent u l-prijoritizzazzjoni tat-talbiet. Il-partijiet interessati kollha fl-avjazzjoni għandhom ikunu involuti biex jilħqu deċiżjonijiet maġġuri; il-prinċipju ta’ konsultazzjoni sinifikanti jeħtieġ li jkun parti mill-proposta qafas".

Il-proposta tal-Kummissjoni hija nieqsa wkoll minn kwalunkwe referenza għall-konsegwenzi drammatiċi tal-kriżi COVID-19 fuq l-industrija. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrakkomanda li jitwettaq studju tal-impatt sabiex tingħata kunsiderazzjoni adegwata lill-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-pandemija tal-coronavirus kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-utenti tas-servizz. (mp)