Persuni li jaħdmu għal rashom li jgħixu fil-faqar: grupp li ta’ spiss huwa minsi

Minn Ronny Lannoo, membru tal-Grupp Diversità Ewropa tal-KESE u ta’ UNIZO, organizzazzjoni Belġjana tal-SMEs

Ħafna drabi l-persuni li jaħdmu għal rashom huma assoċjati mal-kunċett li jagħmlu l-flus malajr u mas-suċċess. Madankollu, din il-perċezzjoni tostor il-ħafna sfidi li jiffaċċjaw l-intraprendituri. L-impjieg indipendenti dejjem jimxi id f’id mar-riskji, kemm fl-isfera tan-negozju kif ukoll fil-ħajja privata.

Jekk l-affarijiet imorru ħażin, il-faqar (moħbi) spiss ikun wara l-kantuniera. Il-fatt li din is-sitwazzjoni spiss tiġi injorata huwa parzjalment dovut għall-fatt li dawk li jaħdmu għal rashom huma mdorrijin isolvu l-problemi tagħhom stess kull fejn jistgħu.

Li l-pubbliku jkun jaf li negozju jkun għaddej minn żmien ħażin huwa meqjus bħala riklam ħażin, sitwazzjoni li hija ta’ mistħija, u għaldaqstant il-persuni li jaħdmu għal rashom jew idumu ma jfittxu għajnuna adegwata jew saħansitra jevitaw kompletament li jagħmlu dan.

Fil-Belġju, madwar 12,7 % tal-persuni li jaħdmu għal rashom jgħixu taħt is-soll tal-faqar. Ir-raġunijiet għaliex isibu ruħhom f’diffikultà jinkludu ġestjoni ħażina, li wieħed jibda n-negozju mingħajr pjan ta’ direzzjoni tan-negozju sod, mard u persuni li jdumu biex iħallsu.

Madankollu, hemm ukoll kwistjonijiet li min jaħdem għal rasu ma jista’ jagħmel xejn dwarhom. Il-kriżi tal-coronavirus hija eżempju drammatiku ta’ dan, u l-Kummissjoni Ewropea qiegħda tipprevedi li din se twassal għal mewġa ta’ fallimenti.

Jeħtieġ li nirrikonoxxu l-problema u nagħmlu mod li nitkellmu dwarha: inqas ansjetà, aktar prevenzjoni u modi eħfef biex persuna tfittex l-għajnuna. B’mod partikolari, l-assoċjazzjonijiet tan-negozju ma għandhomx jistennew li jiġu kkuntattjati, minflok dawn għandhom ifittxu lill-intraprendituri li jinsabu f’diffikultà u jagħtu informazzjoni wiesgħa dwar x’jistgħu jagħmlu biex jgħinuhom.

Servizzi bħat-taħriġ, it-titjib tal-ħiliet u l-ikkowċjar fil-ġestjoni tan-negozju, l-identifikazzjoni bikrija tal-problemi permezz ta’ senjalazzjonijiet ta’ allarm u miżuri oħra jistgħu jipprevjenu ħafna fallimenti. Uħud minn dawn il-miżuri ġew estiżi u msaħħa matul il-pandemija, iżda għad fadal ħafna aktar xi jsir sabiex jonqos il-faqar fost il-persuni li jaħdmu għal rashom madwar l-Ewropa.