Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt UE-Maċedonja ta' Fuq

Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt (JCC) UE-Maċedonja ta' Fuq huwa pjattaforma tas-soċjetà ċivili stabbilita bejn il-KESE u s-soċjetà ċivili tal-Maċedonja ta' Fuq (imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħra (OSĊ)).  Għandu l-bażi legali tiegħu fil-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u twaqqaf wara deċiżjoni politika li ttieħdet fir-raba’ laqgħa tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni li saret fl-24 ta’ Lulju 2007. Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt tas-Soċjetà Ċivili jinkludi membri minn kull naħa.

Il-JCC jippermetti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili miż-żewġ naħat jissorveljaw it-triq tal-Maċedonja ta' Fuq lejn l-UE u jadottaw rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-gvern tal-pajjiż u lill-istituzzjonijiet tal-UE. Il-JCC mal-Maċedonja ta' Fuq organizza tmien laqgħat qabel ma sar inattiv f’Ottubru 2013 minħabba li ma sarux negozjati tal-adeżjoni. Il-ħidma tal-JCC għandha titkompla malli jibdew in-negozjati tal-adeżjoni mal-UE. Sadanittant, ser jibqgħu jiġu organizzati fil-pajjiż seduti  regolari.