Grupp ta’ Studju Tematiku dwar id-Drittijiet marbuta mad-Diżabilità

Bħala ċittadini sħaħ, il-persuni b’diżabilità għandhom drittijiet ugwali u huma intitolati għal dinjità, trattament ugwali, għajxien indipendenti u parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà. L-għan ewlieni tal-istrateġija fit-tul tal-UE dwar l-inklużjoni attiva tal-persuni b’diżabilità huwa li jiġi żgurat li jgawdu dawn id-drittijiet .

L-UE tippromovi l-inklużjoni attiva u l-parteċipazzjoni sħiħa tal-persuni b’diżabilità fis-soċjetà, f’konformità mal-approċċ tal-UE msejjes fuq id-drittijiet tal-bniedem f’dak li jirrigwarda kwistjonijiet marbuta mad-diżabilità. Fl-2010, il-Kummissjoni Ewropea adottat l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020 u fl-2007, l-UE ffirmat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.

Il-persuni b’diżabilità jirrappreżentaw madwar 17 % tal-popolazzjoni globali tal-UE fl-età tax-xogħol, iżda r-rata tal-impjieg tagħhom hija komparattivament baxxa. Madankollu, bi ftit aktar għajnuna, miljuni ta’ Ewropej b’diżabilità jistgħu jidħlu jew jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol. L-aċċess ugwali għal edukazzjoni ta’ kwalità tajba u għal tagħlim tul il-ħajja jippermetti lill-persuni b’diżabilità jieħdu sehem b’mod sħiħ fis-soċjetà u jtejbu l-kwalità ta’ ħajjithom.

Il-KESE waqqaf Grupp ta’ Studju Tematiku dwar id-Drittijiet marbuta mad-Diżabilità, magħmul minn membri minn diversi sezzjonijiet tal-KESE li jkopru oqsma ta’ politika differenti u li jirrappreżentaw lill-Gruppi ta' Min Iħaddem, tal-Ħaddiema , -u Diversità Ewropa. L-għanijiet ta’ dan il-grupp huma:

  • li jipprovdi forum għall-perspettiva tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari għall-organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabilità;
  • li jivvaluta u jiġbor reazzjonijiet dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (UNCRPD).