European Economic
and Social Committee
Id-diversità fil-media: verament aħna lkoll irrappreżentati b’mod ugwali?
Il-ġurnalisti b’diżabilità jistgħu jagħmlu xogħolhom daqstant tajjeb u jistgħu jġibu wkoll perspettivi differenti u ġodda – allura għaliex hemm ftit li jaħdmu fil-media? Lars Bosselmann mill-Unjoni Ewropea tal-Għomja jikteb dwar il-preżenza baxxa ta’ persuni b’diżabilità fis-settur tal-media u l-ħtieġa li jitwaqqfu r-rappreżentazzjonijiet stereotipiċi ta’ dawn il-persuni fl-aħbarijiet.
Id-demokraziji kollha huma mibnija fuq prinċipji ewlenin, u waħda mill-aktar importanti hija l-libertà tal-istampa. Din il-libertà tgħin jiġi żgurat li l-azzjonijiet tal-mexxejja politiċi jkunu trasparenti għall-pubbliku. Din tippermettilna wkoll li naċċessaw informazzjoni mingħajr interferenza esterna.
Madankollu, għad hemm aspetti tal-prattika tal-media li jeħtieġ li jittejbu, speċjalment fir-rigward tad-diversità. Fir-rigward tar-rappreżentanza fil-media jew il-kopertura ta’ suġġetti relatati ma’ gruppi soċjali differenti, għad fadal x’naqdfu biex inkunu ugwali.
Iċ-ċifri attwali juru li l-persuni b’diżabilità mhumiex rappreżentati b’mod adegwat fil-persunal tal-gazzetti, l-istazzjonijiet tar-radju u x-xandara tat-televiżjoni. Dan huwa inkwetanti ħafna meta jitqies li sa 16 % tal-popolazzjoni tad-dinja għandhom xi forma ta’ diżabilità. Barra minn hekk, kif enfasizzat minn rapport tal-UNESCO, il-persuni b’diżabilità spiss jiffaċċjaw ukoll preġudizzju minħabba rappreżentanza stereotipika tal-komunitajiet tagħna li l-media tifrex b’mod globali.
Biex inbiddlu l-perċezzjoni pubblika tal-persuni b’diżabilità, jeħtieġ li nenfasizzaw li l-preżenza tagħhom fil-kmamar tal-aħbarijiet u fil-proċessi tal-ħolqien tal-kontenut hija importanti.
Is-soċjetà jeħtieġ li tifhem li l-industrija tal-media mhux ser tkun kompletament inklużiva jekk il-persuni b’diżabilità ma jsirux parti mill-persunal. Barra minn hekk, is-suġġetti relatati mad-diżabilità jridu jiġu koperti b’approċċ differenti: il-mezzi tal-media għandhom jirrikonoxxu li l-persuni b’diżabilità huma individwi li għandhom igawdu drittijiethom daqs ħaddieħor. Barra minn hekk, hekk kif il-formati tal-kontenut jinbidlu b’mod kostanti, neħtieġu esperti li jfasslu dawn il-formati b’mod li jkunu aċċessibbli u inklużivi.
Minkejja l-fatt li hemm nuqqas ta’ rappreżentanza tal-komunità tad-diżabilità fis-settur tal-media, xorta waħda nistgħu nsibu eżempji ta’ ispirazzjoni ħafna li juru li l-persuni b’diżabilità jistgħu jeċċellaw bħala ħallieqa tal-kontenut.
Reċentement, fis-serje ta’ podcast tagħha, l-Unjoni Ewropea tal-Għomja xandret episodju ddedikat għal-Logħob Paralimpiku ta’ Pariġi 2024. Fl-episodju, tkellimna ma’ Laetitia Bernard, ġurnalista għamja Franċiża li taħdem għal Radio France. Minbarra l-Paralimpiċi ta’ din is-sena, is-Sinjura Bernard kienet diġà kopriet l-edizzjonijiet tal-2012 f’Londra u tal-2016 f’Rio. Barra minn hekk, hija kopriet il-Logħob Paralimpiku tax-Xitwa tal-2014 f’Sochi u tal-2018 f’PyeongChang.
“Avvenimenti bħal-Logħob Paralimpiku għandhom impatt pożittiv biex jitneħħew l-ostakli u jiġu sfidati l-istereotipi,” enfasizzat is-Sinjura Bernard matul l-intervista. “Anke jekk ġurnalist ikollu diżabbiltà, din il-persuna tista’ taħdem b’mod effiċjenti u saħansitra tkun tista’ tiddeskrivi l-affarijiet b’mod differenti,” żiedet tgħid. Il-vjaġġ professjonali tas-Sinjura Bernard, kif ukoll ir-riflessjonijiet tagħha dwar dan is-suġġett, ifakkruna li biex tinbena soċjetà aktar inklużiva, hemm bżonn li din id-dimensjoni tiġi indirizzata: l-ugwaljanza għandha tkun fil-qalba tas-settur tal-media.
Lars Bosselmann huwa d-Direttur Eżekuttiv tal-Unjoni Ewropea tal-Għomja (EBU).