minn Alexandra Borchardt
Biex ngħiduha b’mod provokattiv, il-ġurnaliżmu u l-IA ġenerattiva jikkontradixxu lil xulxin: il-ġurnaliżmu jikkonċerna l-fatti u l-IA ġenerattiva tikkalkula l-probabbiltajiet. Jew forsi tippreferu li l-ġurnalisti sempliċement jimlew il-vojt ta’ storja li jkunu qed jirrappurtaw dment li din tinstema’ probabbli? Dan huwa eżattament kif taħdem l-IA ġenerattiva. Minkejja dan, l-IA ġenerattiva toffri opportunitajiet enormi biex ittejjeb il-ġurnaliżmu, li jvarjaw mill-użu tal-IA għal skopijiet ta’ brainstorming ta’ ideat, mistoqsijiet ta’ intervisti u titli ewlenin, sar-rwol tagħha fil-ġurnaliżmu tad-data u l-analiżi rapida tad-dokumenti. L-IA tista’ tgħin ukoll biex tmur lil hinn mill-formati u l-lingwi, u tista’ tbiddel it-testi f’vidjos, podcasts, u elementi viżwali, tittraskrivi, tittraduċi u tillustra l-kontenut, u tagħmlu aċċessibbli f’format ta’ chat. Dawn l-aspetti jistgħu jgħinu biex jintlaħqu persuni li qabel ma kinux moqdija biżżejjed: udjenzi f’komunitajiet żgħar ħafna, dawk li ma jafux jaqraw tajjeb jew għandhom problemi ta’ komprensjoni, jew dawk li għandhom kwalunkwe indeboliment ieħor u dawk l-individwi li mhumiex interessati jsegwu l-ġurnaliżmu b’mod tradizzjonali. Ezra Eeman, Direttur tal-Istrateġija u l-Innovazzjoni ta’ NPO, ix-xandar pubbliku Netherlandiż, jgħid: “Bl-IA ġenerattiva, nistgħu nissodisfaw il-missjoni ta’ servizz pubbliku tagħna aħjar; din se ssaħħaħ l-interattività, l-aċċessibbiltà u l-kreattività. L-IA tgħinna nwasslu aktar kontenut lill-udjenzi tagħna.”
Iżda għalkemm xi wħud fl-industrija diġà huma konvinti mill-wegħdiet tal-IA ġenerattiva, din it-teknoloġija tirrappreżenta riskji konsiderevoli għall-ġurnaliżmu. L-aktar żewġ riskji sinifikanti huma t-telf ġenerali ta’ fiduċja fl-informazzjoni, u l-erożjoni ulterjuri jew saħansitra l-għajbien tal-mudelli tan-negozju tagħha. Kif diġà ntqal, l-“alluċinazzjonijiet” – it-terminu użat għat-tendenza tal-IA ġenerattiva li tipproduċi tweġibiet żbaljati u li tivvinta fatti u sorsi fittizji – huma fil-fatt karatteristika tat-teknoloġija aktar milli bug. Iżda l-isfida hija aktar profonda. Peress li l-IA ġenerattiva tippermettilna li fi ftit minuti noħolqu kwalunkwe tip ta’ kontenut, inklużi deep fakes, il-periklu huwa li l-pubbliku jitlef il-fiduċja fil-kontenut kollu disponibbli. It-taħriġ fil-litteriżmu fil-media diġà jirrakkomanda li nkunu xettiċi dwar il-kontenut online; dan ix-xettiċiżmu san jista’ jinbidel f’nuqqas ta’ fiduċja totali f’każ li l-fabbrikazzjoni tal-kontenut tiżdied. Għadna ma nafux jekk il-marki tal-media tradizzjonali humiex se jibbenefikaw mill-pożizzjoni ta’ gwida tagħhom f’din id-dinja tal-informazzjoni jew jekk il-mezzi tax-xandir kollha humiex se jitqiesu bħala mhux affidabbli f’dan il-kuntest.
Iż-żieda enormi fit-tfittxijiet ġenerattivi taggrava s-sitwazzjoni, peress li thedded li tagħmel il-ġurnaliżmu dejjem aktar inviżibbli. Fil-passat, tfittxija fuq Google kienet tipprovdi sett ta’ links, ħafna minnhom konnessi ma’ marki tal-media affidabbli; illum, ir-riżultati tat-tfittxijiet qed jissawru dejjem aktar mill-IA ġenerattiva. In-nies jiksbu tweġibiet tal-ewwel livell f’forma testwali; m’għandhomx għalfejn ikomplu jfittxu. Mhux ta’ b’xejn l-eżekuttivi fil-qasam tal-media huma mbeżża’. Ħafna minnhom qed iħaffu l-implimentazzjoni tal-IA għal żidiet fl-effiċjenza, li ovvjament mhux se jkun biżżejjed peress li dak li huwa meħtieġ huwa saħansitra aktar investiment f’ġurnaliżmu ta’ kwalità tajba biex juri lill-udjenzi d-differenzi bejn sempliċiment “kontenut”, minn naħa waħda, u ġurnaliżmu riċerkat sew, preċiż u affidabbli, min-naħa l-oħra.
Hemm bżonn ta’ approċċ etiku għall-użu tal-IA fil-media. L-ewwel nett, l-organizzazzjonijiet tal-media jeħtieġu strateġija tal-IA u jridu jiffukaw fuq il-kontribut tat-teknoloġija għat-twassil tal-valur tas-servizz pubbliku. Ir-riżorsi jeħtieġ li jiġu ffukati fuq dak li huwa mixtieq u jiġu implimentati kif adatt, dejjem fid-dawl tal-fatt li l-IA għandha spiża ambjentali u soċjetali konsiderevoli. Li ngħidu le għandu dejjem ikun possibbli. L-organizzazzjonijiet għandhom jużaw ukoll is-setgħa u l-influwenza tagħhom meta jixtru prodotti, jagħmlu lobbying għar-regolamentazzjoni, u jinvolvu ruħhom fid-dibattiti dwar id-drittijiet tal-awtur u l-protezzjoni tad-data. Hemm ħafna x’jista’ jintilef. Huwa imperattiv li kull kumpanija tiskrutinizza regolarment il-prodotti li tuża għal preġudizzji u sterjotipi biex tevita li l-ħsara tiġi aggravata. Fl-aħħar nett, f’dan l-ambjent li qed jinbidel malajr bi prodotti ġodda li joħorġu kuljum, huwa perikoluż li wieħed jipproċedi waħdu. L-involviment u l-promozzjoni ta’ kollaborazzjonijiet fi ħdan l-industrija u bejn l-industrija u l-kumpaniji tat-teknoloġija huma essenzjali biex jitwittu toroq responsabbli ’l quddiem.
Iżda ma hemm l-ebda dubju, l-IA ġenerattiva se żżid b’mod sostanzjali d-dipendenza tal-media mill-kumpaniji tat-teknoloġija kbira. Aktar mal-kumpaniji tat-teknoloġija jintegraw l-għodod tal-IA fl-applikazzjonijiet li n-nies jużaw fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, inqas ikun il-kontroll li l-organizzazzjonijiet tal-media jkunu jistgħu jeżerċitaw fuq il-prattiki, il-proċessi u l-prodotti. Il-linji gwida etiċi tagħhom jistgħu mbagħad ikunu biss żieda ma’ xi ħaġa li tkun ilha li ġiet deċiża band’oħra.
Fid-dawl ta’ dan kollu, l-ipoteżi li ġejja tista’ tkun xi ftit sorprendenti: il-ġurnaliżmu ta’ għada jista’ jixbah ħafna lil dak tal-bieraħ – u nittamaw aħjar. Iżda parti mill-ġurnaliżmu tal-lum se tisparixxi. Bħalma dejjem kien, il-ġurnaliżmu se jkun dwar il-fatti, is-sorpriżi, ir-rakkontar tal-istejjer, u li dawk fil-poter jagħtu rendikont ta’ azzjonijiethom. Il-ġurnaliżmu se jkun dwar il-bini ta’ relazzjonijiet stabbli, leali u fdati mal-udjenzi billi jipprovdi gwida, imexxi l-konverżazzjonijiet u jappoġġja lill-komunitajiet. F’dinja ta’ kontenut artifiċjali, dak li jgħidu, jaħsbu u jħossu l-individwi se jkun ta’ benefiċċju kbir. Il-ġurnalisti huma mgħammra b’mod uniku biex jiżvelaw dan kollu. Iżda l-IA tista’ tgħin lill-ġurnaliżmu jmur lil hinn biex jaqdi lill-individwi u lill-gruppi skont il-ħtiġijiet u s-sitwazzjoni tal-ħajja tagħhom; u biex isir aktar inklużiv, lokali u arrikkit bid-data b’modi li qabel ma kinux affordabbli. Hija u titkellem dwar l-IA, Anne Lagercrantz, Viċi Uffiċjal Kap Eżekuttiv tat-Televiżjoni Żvediża, qalet: “L-IA se tbiddel b’mod fundamentali l-ġurnaliżmu iżda nittamaw li mhux ir-rwol tagħna fis-soċjetà. Irridu naħdmu favur il-kredibbiltà tal-industrija tal-media. Irridu noħolqu spazji siguri għall-informazzjoni.” Jidher ċar li l-era tal-IA tirrappreżenta l-akbar riskji mhux għall-ġurnaliżmu nnifsu, iżda għall-mudelli ta’ negozju tiegħu.
Dan it-test huwa bbażat fuq ir-rapport li jista’ jitniżżel bla ħlas dwar Trusted Journalism in the Age of Generative AI (Ġurnaliżmu fdat fl-era tal-IA ġenerattiva), ippubblikat mill-Unjoni Ewropea tax-Xandir fl-2024, riċerkat u miktub minn Dr Alexandra Borchardt, Kati Bremme, Dr Felix Simon u Olle Zachrison.