European Economic
and Social Committee
L-GĦADU TAL-POPLU – KIF IL-BELARUSSJA QED TIPPERSEGWITA LILL-ĠURNALISTI TAGĦHA
Minn Andrey Gnyot
Fil-Belarussja, kulma wieħed irid jagħmel biex jispiċċa arrestat huwa li jagħżel il-professjoni l-ħażina. Fil-fatt, għal żball fatali bħal dan, persuna tista’ tiġi arrestata anke fiċ-ċentru tal-Ewropa, pereżempju fis-Serbja. U l-Interpol, organizzazzjoni internazzjonali tant prestiġjuża, tiffaċilita dan l-arrest. Qed ngħid dan b’ċertu sarkażmu qares u verità morra, però mhux qed nesaġera. Jien Andrey Gnyot, produttur tal-films, ġurnalist u eks priġunier politiku Belarussu, u din hija l-istorja tiegħi.
Iddeċidejt li nsir ġurnalist fl-1999. It-televiżjoni u r-radju kienu l-passjoni, il-ħolma u l-passatemp tiegħi. Kif qatt seta’ ġuvni ta’ 17-il sena jimmaġina li, f’pajjiżu, il-ġurnaliżmu indipendenti jiġi ttikkettat bħala estremiżmu u l-mezzi kollha l-oħra tal-media jservu ta’ leħen għall-propaganda? Le, ħadd minna qatt ma stenna li dan iseħħ fl-Ewropa fis-seklu 21. Iżda dan huwa eżattament dak li qed jiġri fil-Belarussja dittatorjali llum il-ġurnata: ma hemm l-ebda mezz tal-media indipendenti fil-pajjiż. L-istrutturi kollha tal-media huma tal-istat. L-istat għandu kontroll strett fuq il-politika editorjali, li hija sempliċi ħafna: ir-reġim tal-mexxej awtoproklamat ta’ Lukashenko għandu jitfaħħar u kull min jazzarda jikkritikah, anke b’mod kostruttiv, jisseħħaħ “l-għadu tal-poplu”, frażi mislufa mill-passat Komunist.
Għalhekk, f’nofs is-snin 2000, gradwat tal-ġurnaliżmu żagħżugħ u inġenwu pprova jsib postu fil-professjoni. Matul l-istudji tiegħi, u wara, ksibt ħafna esperjenza prattika fil-qasam tat-televiżjoni u r-radju, u kont naf eżattament dak li rrid. Iżda l-opportunitajiet bdew jonqsu malajr: l-istazzjonijiet privati tar-radju bdew jagħlqu jew ittieħdu mill-istat, mentri l-istazzjonijiet indipendenti tat-televiżjoni lanqas biss setgħu jiżguraw frekwenza tax-xandir. Ftit li xejn kien hemm għażla: jew tifrex il-propoganda jew tevita kwistjonijiet sensittivi u tillimita ruħek għal kwistjonijiet ta’ divertiment bla sinsla. Il-ġurnaliżmu baqa’ ħaj fil-Belarussja biss bis-saħħa ta’ ftit gazzetti u portali indipendenti tal-internet. Ħafna ġurnalisti telqu mill-professjoni, u ħafna kienu soġġetti għal repressjoni. Il-Ministeru għall-Informazzjoni tal-Belarussja ħareġ twissijiet regolari lill-media u tliet twissijiet biss kienu biżżejjed biex il-liċenzji tagħhom jiġu revokati. Skont l-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti tal-Belarussja, l-għadd ta’ gazzetti naqas b’21 % bejn l-2020 u l-2024. Il-pubblikazzjonijiet li ma jagħmlux ħsara biss, bħal dawk intiżi għas-sidien ta’ dacha, dawk li jħobbu ċ-ċajt u t-tislibiet, baqgħu fis-suq Belarussu. Il-pubblikazzjonijiet soċjopolitiċi indipendenti kollha jew ingħalqu mill-awtoritajiet jew għażlu li ma jkomplux jistampaw minħabba li kien sar impossibbli għalihom li jibqgħu joperaw.
B’xorti tajba, irnexxieli nsib soluzzjoni ta’ kompromess: pubblikament qlibt lejn xogħol ta’ direzzjoni u kreattività u hawn ksibt suċċess kbir. Fl-istess ħin, komplejt ix-xogħol ġurnalistiku tiegħi bħala voluntier, mingħajr ma żvelajt ismi, sabiex ma nkunx espost. Din kienet tattika effettiva. Bl-użu tal-esperjenza u l-kuntatti professjonali kollha tiegħi, stajt nipprovdi lill-media indipendenti b’filmati ġodda mill-2020, u stajt ukoll ninvolvi ruħi f’attiviżmu ċiviku u politiku. Sirt ukoll il-kofundatur tal-moviment ċivili tad-drittijiet tal-bniedem “Assoċjazzjoni Ħielsa tal-Atleti tal-Belarussja SOS.BY”. Ma naħsibx li nista’ niġi akkużat bi preġudizzju u involviment, għaliex għażilt in-naħa tal-poplu ta’ pajjiżi – dittatorjat ma jafx x’inhi l-oġġettività, hekk kif il-propaganda m’għandha x’taqsam xejn mal-ġurnaliżmu.
Fl-2021, il-Belarussja ġiet ikklassifikata fil-158 post minn 180 fil-klassifikazzjoni tal-libertà tal-istampa. Meta mqabbel mal-2020, il-klassifikazzjoni niżlet l-isfel ħames postijiet. “Il-Belarussja hija l-aktar pajjiż perikoluż fl-Ewropa għall-ħaddiema tal-media,” twissi l-organizzazzjoni internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem Reporters mingħajr fruntieri.
Ta’ min jinnota li, skont stħarriġ li sar fl-2020, is-sena tal-protesti fil-Belarussja, is-sorsi ewlenin tal-aħbarijiet kienu l-internet u l-media soċjali għal 60 % ta’ dawk li wieġbu, mentri t-televiżjoni kienet is-sors ewlieni għal 11 % biss tar-rispondenti, il-media stampata għal 7 %, u r-radju għal 5 %. Wara li rrealizza dan, ir-reġim dittatorjali beda jaġixxi b’mod aħrax u mingħajr kompromessi. L-invenzjoni ewlenija kienet il-ġlieda kontra l-“estremiżmu” bħala bażi għaċ-ċensura u l-persekuzzjoni. L-awtoritajiet jimblukkaw l-aċċess għall-kontenut tal-mezzi tal-media li jkomplu l-attivitajiet tagħhom minn barra l-pajjiż, u kwalunkwe kooperazzjoni magħhom titqies bħala manifestazzjoni ta’ estremiżmu.
Fi tmiem l-2023, 32 ġurnalist intbagħtu l-ħabs fil-Belarussja. Fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, il-ġurnalisti ġew soġġetti għal pressjoni u trattament inuman. Skont attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, il-blogger u l-ġurnalist Igor Losik ta’ “Radio Liberty” għamel strajk tal-ġuħ għal żmien twil f’kolonja tal-ħabs, u mbagħad qata’ l-vini f’idejh u f’għonqu. Ġie ikkundannat għal 15-il sena ħabs. Il-prosekuzzjoni kriminali għal kwalunkwe forma ta’ kooperazzjoni mal-media indipendenti msejħa “formazzjonijiet estremisti” intensifikat. Il-persekuzzjoni mhux biss tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, iżda wkoll taċ-ċittadini ordinarji li jikkummentaw dwar kwalunkwe avveniment soċjali u politiku għall-ġurnalisti hija l-aktar xejra ġdida.
Fil-31 ta’ Ottubru 2024, il-kont personali tiegħi ta’ Instagram ġie ddikjarat bħala “materjal estremist” mir-reġim Belarussu. Dan ifisser li mhux biss jien, iżda wkoll is-segwaċi kollha tiegħi fil-Belarussja se jitħarrku talli segwew il-kont tiegħi. Aktar minn 5 000 riżorsa tal-Internet fil-Bjelorussja ġew iddikjarati “estremisti” mid-dittatorjat. Naħseb l-ebda pajjiż Ewropew ieħor ma jista’ jiftaħar bi statistika tant impressjonanti! Jekk qed tistaqsu jekk aħna, il-Belarussi, naħsbux li tingħata biżżejjed attenzjoni lill-problema tal-ġurnaliżmu f’pajjiżna, nista’ nweġibkom sinċerament li le, din il-problema ma tingħatax biżżejjed informazzjoni. Mhux biss qed tiżżarma l-istituzzjoni tal-ġurnaliżmu fil-Belarussja, iżda l-professjonisti tal-ġurnaliżmu qed jinqerdu wkoll fiżikament.
Id-dittatorjat jipprova wkoll jippersegwita ġurnalisti u attivisti barra l-Belarussja. Il-każ tiegħi huwa eżempju ċar ta’ tali persekuzzjoni. Ir-reġim tgħallem juża istituzzjonijiet demokratiċi biex jikseb l-għanijiet mostrużi tiegħu. Ġurnalisti, attivisti, bloggers u ċittadini politikament attivi ġew imħarrka għal reati tat-taxxa, prinċipalment talli ma ħallsux it-taxxi fil-passat. Dan iservi ta’ paraventu perfett biex jaħbi l-motivi politiċi tal-persekuzzjoni. L-attivist tad-drittijiet tal-bniedem u r-rebbieħ tal-Premju Nobel Ales Bialiatski jinsab il-ħabs akkużat b’reati i finanzjarji. Il-kap editur tal-korp tal-media indipendenti “TUT.BY” (meqrud mir-reġim fl-2020) u l-kollegi tagħha jinsabu l-ħabs taħt l-istess artikolu finanzjarju. L-istess artikolu dwar il-kriminalità finanzjarja ġie aċċettat mill-Interpol biex jiskatta t-tfittxija tiegħi. L-Interpol ħadet kważi tmien xhur biex twettaq investigazzjoni interna u sabet li t-tfittxija fil-każ tiegħi kisret l-Artikoli 2 u 3 tal-kostituzzjoni tagħha. Madankollu, ġejt arrestat u mitfugħ fil-Ħabs Ċentrali ta’ Belgrad għal seba’ xhur u sitt ijiem. Qattajt ħames xhur taħt detenzjoni domiċiljari b’restrizzjonijiet severi. Il-Qorti Suprema Serba ddeċidiet darbtejn favur l-estradizzjoni tiegħi lejn il-Belarussja dittatorjali. U għal darbtejn, l-avukat tiegħi u jien appellajna b’suċċess din id-deċiżjoni. B’kollox insterqitli sena minn ħajti u saritli ħsara fuq is-saħħa fiżika u mentali tiegħi. U dan kollu għax għażilt il-professjoni l-ħażina fil-pajjiż il-ħażin. Sempliċiment għax kelli opinjoni u esprimejtha permezz ta’ ċittadinanza attiva.
Fortunatament, irnexxieli nirbaħ – kieku m’intomx qed taqraw dan il-kliem. Bis-saħħa tas-solidarjetà inkredibbli tal-ġurnalisti, il-politiċi, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet, tlaqt mis-Serbja u sibt is-sikurezza f’Berlin. Iżda l-istorja tiegħi għadha ma spiċċatx. Għad għandi proċess twil ta’ rkupru u battalji quddiemi. Naf li għażilt li nibqa’ leali lejn il-vokazzjoni tiegħi, avolja xi wħud jikkunsidraw dan bħala estremiżmu. Naf li l-ġurnaliżmu indipendenti huwa parti integrali minn soċjetà demokratika. Is-soċjetà li nixtiequ nibnu aħna l-Belarussi. U nittamaw li ma nkunux waħidna f’din it-triq importanti.