European Economic
and Social Committee
L-importanza tal-ħsieb kritiku
“Aħna ngħallmu lill-istudenti li l-fatti jridu jiġu vverifikati, iżda l-opinjonijiet għandhom jiġu diskussi b’rispett. Il-ħsieb kritiku ta’ veru jirrispetta l-pluralità ta’ fehmiet ", jgħid Richard Vaško mill-Assoċjazzjoni Slovakka tad-Dibattiti (SDA), rebbieħ tal-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili dwar il-ġlieda kontra l-polarizzazzjoni bl-inizjattiva “Critical Thinking Olympiad”. Richard, li l-proġett tiegħu rebaħ l-ewwel premju, tkellem magħna dwar l-Olympiad u għaliex it-tagħlim tal-ħsieb kritiku huwa kruċjali fid-dinja polarizzata u xprunata mid-diżinformazzjoni tal-lum.
Tista’ tiddeskrivi logħba waħda jew round wieħed tal-Critical Thinking Olympiad? Tista’ tagħti eżempju ta’ kompitu jew mistoqsija?
Fiċ-ċikli skolastiċi u reġjonali tal-Critical Thinking Olympiad, l-istudenti jieħdu sehem f’testijiet ta’ minn siegħa sa sagħtejn, b’aċċess sħiħ għall-internet u għodod online ta’ verifika tal-fatti, li fihom isolvu sensiela ta’ kompiti. L-isfidi jiffukaw fuq il-litteriżmu medjatiku, id-detezzjoni tal-manipulazzjoni u l-preġudizzju, l-interpretazzjoni tad-data u tal-istudji, l-identifikazzjoni ta’ fallaċji tal-loġika u l-formulazzjoni tal-argumenti tagħhom stess.
Pereżempju, f’ċiklu reċenti, l-istudenti ntalbu jiktbu argument dwar jekk “il-kameras tas-sigurtà għandhomx jiġu installati fl-iskejjel biex tiżdied is-sikurezza” – kwistjoni f’waqtha fid-diskors pubbliku Slovakk. Kompitu ieħor kien jobbligahom janalizzaw vidjo virali ta’ TikTok li jippromovi teorija ta’ komplott dwar Taylor Swift u jidentifikaw karatteristiċi tipiċi tal-ħsieb konspiratorju. Fit-tielet sfida, kellhom jiddeċiedu liema miż-żewġ filmati kien iġġenerat bl-IA u liema kien awtentiku.
It-testijiet preċedenti kollha huma disponibbli għall-pubbliku bis-Slovakk fuq www.okm.sk.
X’qed tipprovaw tiksbu b’din l-inizjattiva? X’ħeġġiġkom tibdew il-proġett?
L-għan tagħna huwa li ngħinu lill-istudenti fl-età meta jibdew jużaw il-media soċjali u jikkunsmaw kontenut diġitali biex jiżviluppaw il-ħiliet sabiex jinnavigaw dan l-ispazju b’mod kritiku, responsabbli u bi ħsieb. Permezz ta’ feedback regolari wara kull ċiklu u permezz ta’ korsijiet ta’ tagħlim elettroniku disponibbli għat-tħejjija, l-istudenti jiksbu drawwiet u għodod trasferibbli li jistgħu japplikaw fil-ħajja ta’ kuljum. Fl-aħħar mill-aħħar, għandna l-għan li nrawmu ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ li huma infurmati, reżiljenti kontra d-diżinformazzjoni u kapaċi jmexxu djalogu kostruttiv u bbażat fuq il-fatti.
Nedejna dan il-proġett b’rispons għal lakuna kritika fis-sistema edukattiva tagħna: il-litteriżmu medjatiku u l-ħsieb kritiku għadhom ferm sottorappreżentati fil-kurrikuli formali. Aktar minn nofs l-istudenti Slovakki qatt ma jitgħallmu kif jevalwaw jekk l-informazzjoni hijiex affidabbli. 16 % biss taż-żgħażagħ Slovakki jivverifikaw regolarment l-informazzjoni mill-midja. B’riżultat ta’ dan, 56 % tal-popolazzjoni għandha t-tendenza li temmen teoriji ta’ komplott jew gideb dirett. Ridna nibdlu dan billi nintroduċu azzjoni skalabbli u li tħalli impatt lill-iskejjel madwar il-pajjiż.
Għaliex taħseb li l-iżvilupp tal-ħsieb kritiku huwa daqshekk importanti fil-kuntest attwali? Għandna ċans nirbħu l-gwerra kontra l-aħbarijiet foloz?
L-aħbarijiet foloz dejjem eżistew f’xi forma, iżda issa qed ngħixu f’era ta’ eċċess ta’ informazzjoni bla preċedent. Bil-midja soċjali bħala s-sors primarju ta’ informazzjoni għal ħafna żgħażagħ, kulħadd jista’ jxerred faċilment id-diżinformazzjoni, il-miżinformazzjoni jew id-diskors ta’ mibegħda. It-tagħlim dwar kif niffiltraw u nnavigaw dan ix-xenarju ta’ informazzjoni kaotika sar ħila kruċjali għall-ħajja.
Madankollu, qatt mhu se “nirbħu” bis-sħiħ il-gwerra kontra l-aħbarijiet foloz – din hija mira li tiċċaqlaq, kostantament tevolvi. Iżda dak li nistgħu nagħmlu huwa li ż-żgħażagħ jiġu mgħammra bl-għodod biex jorjentaw ruħhom aħjar f’dan l-ambjent, biex jistaqsu mistoqsijiet tajbin u biex jaħsbu qabel ma jixxerjaw informazzjoni.
Irċevejtu xi feedback dwar il-proġett tagħkom? Tista’ tagħti eżempju?
Aħna niġbru feedback dettaljat wara kull ċiklu, u t-tweġibiet huma fil-biċċa l-kbira pożittivi. Pereżempju, 93 % tal-għalliema li l-istudenti tagħhom ipparteċipaw fl-Olympiad qalu li dan jgħin biex tinbena r-reżiljenza tal-istudenti tagħhom kontra d-diżinformazzjoni u r-rapporti foloz. Barra minn hekk, il-Punteġġ tal-Promotur Nett tagħna – metrika ewlenija tas-sodisfazzjon tal-utenti – laħaq +76 fl-aħħar ċiklu, li huwa meqjus eċċellenti.
X’parir tagħtu lil organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħra dwar il-kisba ta’ riżultati minn attivitajiet jew programmi bħal dawn?
Kull pajjiż u kuntest huma differenti, u l-organizzazzjonijiet lokali jafu x'inhu li jaħdem l-aħjar għall-komunitajiet tagħhom. Iżda dawn li ġejjin huma ftit prinċipji li ħadmu tajjeb għalina:
L-ewwel u l-aktar importanti, ma nistgħux ngħidu liż-żgħażagħ x’għandhom jaħsbu. Il-ħsieb kritiku ta’ veru jirrispetta pluralità ta’ fehmiet. Jekk l-istudenti jħossu li l-opinjonijiet tagħhom qed jiġu miċħuda jew iddettati lilhom, huma jiddiżinvolvu ruħhom. Aħna ngħallmuhom li l-fatti jridu jiġu vverifikati, iżda li l-opinjonijiet għandhom jiġu diskussi b’rispett.
It-tieni, l-aċċessibbiltà u l-inklużività huma kruċjali. Sakemm ma “nifqgħux il-bużżieqa” u nilħqu lil hinn mill-iskejjel tal-ogħla livell, mhux se jkollna impatt reali. Il-programm tagħna huwa bla ħlas, kompletament online, b’ostakli baxxi u disponibbli wkoll bil-lingwa tal-akbar minoranza etnika tagħna. Din is-sena, 53 % tal-parteċipanti ġew minn skejjel sekondarji vokazzjonali.
It-tielet, li naħsbu dwar l-iskalabbiltà mill-bidu u li ningranaw teknoloġija ġdida biex din tinkiseb. Nużaw l-IA biex nagħtu marka lil tweġibijiet miftuħin, li tippermettilna nżommu esperjenza edukattiva ta’ kwalità għolja mingħajr ma nirrikorru għal ittestjar b’għażla multipla. Filwaqt li l-era diġitali ġabet magħha sfidi serji, tipprovdilna wkoll għodod b’saħħithom biex nindirizzawhom.
Richard Vaško ilu mal-Assoċjazzjoni Slovakka tad-Dibattiti (SDA) minn meta kellu-il 12 sena. Huwa rebaħ il-Lega Slovakka tad-Dibattiti Nazzjonali fl-iskola sekondarja u rrappreżenta lis-Slovakkja fil-Kampjonati tad-Dibattiti tal-Iskejjel Dinjija. Huwa ggradwa u ġie minn tal-ewwel mill-klassi tiegħu fil-Liġi, il-Politika u l-Filosofija fl-Università ta’ Warwick, ir-Renju Unit, u issa qed jistudja għal MPhil fl-Edukazzjoni (Għarfien, Poter, Politika) fl-Università ta’ Cambridge.
Richard ilu mill-2021 jaħdem fl-SDA, fejn waqqaf, u issa jikkoordina, il-Critical Thinking Olympiad. Huwa ħadem ukoll mat-tim tal-Komunikazzjoni Strateġika (StratCom) tal-Ministeru tal-Edukazzjoni Slovakk u kiteb, b’mod konġunt, manwali għat-taħriġ tal-għalliema dwar il-litteriżmu medjatiku għall-Istitut Nazzjonali tal-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ. Huwa jwettaq riċerka u jorganizza skola tas-sajf multietnika għat-tfal żvantaġġati mal-Istitut Mathias Bel, NGO ffukata fuq minoranzi etniċi u komunitajiet Rom emarġinati fis-Slovakkja.