Il-KESE jsejjaħ għal djalogu soċjali msaħħaħ fl-UE

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja li fl-Istati Membri tal-UE jiġi promoss id-djalogu soċjali effettiv peress li jaqdi rwol importanti fit-tfassil ta’ politiki ekonomiċi, tax-xogħol u soċjali li joħolqu kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol aħjar fl-UE. Għalhekk huwa meħtieġ sabiex tiġi promossa u tinkiseb is-sostenibbiltà ekonomika.

Fl-Opinjoni Id-djalogu soċjali bħala pilastru importanti tas-sostenibbiltà ekonomika u r-reżiljenza tal-ekonomiji, li jqis ukoll l-influwenza ta’ dibattitu pubbliku mqanqal fl-Istati Membri, il-KESE ta ħarsa ġenerali lejn il-prattiki nazzjonali tad-djalogu soċjali, u analizzah fil-kuntest tal-kriżijiet tal-imgħoddi. Esplora wkoll kif il-kunċett tad-djalogu soċjali, speċjalment fil-forma tripartitiku tiegħu li jinvolvi lill-awtoritajiet pubbliċi, jista’ jmur lil hinn min-negozjar kollettiv, u kif huwa strument ewlieni għall-governanza soda ta’ kwalunkwe proċess ta’ bidla.

L-Opinjoni ġiet abbozzata fuq it-talba tal-Presidenza Ġermaniża tal-UE mill-eks membru tal-KESE Vladimíra Drbalová u l-membru attwali Cinzia Del Rio.

Il-pajjiżi b’mekkaniżmi stabbiliti tajjeb tad-djalogu soċjali jirrispondu aħjar u aktar malajr għall-kriżijiet, inklużi dawk ta’ daqs globali bħall-pandemija tal-COVID-19. Madankollu, skont l-Opinjoni, f’ħafna pajjiżi, id-djalogu soċjali jibqa’ frammentat u jseħħ biss okkażjonalment, jew iddgħajjef, u l-awtonomija tal-imsieħba soċjali ġiet mhedda.

L-Opinjoni telenka diversi rakkomandazzjonijiet għal ġestjoni soda wara l-pandemija fil-futur qrib, inklużi billi jiġi żgurat involviment attiv tal-imsieħba soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali ta’ rkupru u titħeġġeġ governanza korporattiva soda bbażata fuq id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv.

Madankollu, biex ikun effettiv, id-djalogu soċjali jrid jinkludi msieħba soċjali rappreżentattivi u leġittimi, kif ukoll gvernijiet impenjati u parteċipattivi. Huwa daqstant essenzjali li jiġu rispettati l-awtonomija u l-libertà ta’ assoċjazzjoni tal-imsieħba soċjali u d-dritt għan-negozjar kollettiv.

Id-djalogu soċjali Ewropew huwa minqux fit-Trattati tal-UE u l-imsieħba soċjali Ewropej għandhom jisfruttaw il-potenzjal kollu li dan joffri.

Għandhom ikunu involuti fis-Semestru Ewropew tal-governanza ekonomika, u partikolarment fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki soċjali, tal-impjieg u, fejn rilevanti, tar-riformi ekonomiċi.

“Neħtieġu mekkaniżmi vinkolanti ta’ konsultazzjoni għall-imsieħba soċjali fis-Semestru Ewropew. Illum il-ġurnata, waqt li nqisu l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija, huwa aktar importanti minn qatt qabel li l-imsieħba soċjali jiġu involuti fit-tfassil ta’ pjani ta’ rkupru u ta’ reżiljenza, inklużi l-għodod ta’ rapportar tal-gvern,” qalet is-Sinjura Del Rio. (ll)