European Economic
and Social Committee
Xogħol deċenti madwar id-dinja: Il-ġlieda kontra x-xogħol furzat u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-ktajjen tal-provvista Ewropej
Mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE
Nappoġġjaw bil-qawwa l-promozzjoni ta’ xogħol deċenti mill-Kummissjoni, iżda ninsabu mħassba dwar il-lakuni fil-proposti attwali li jistgħu jwasslu għal implimentazzjoni subottimali.
Ix-xogħol furzat jista’ jidher bħala problema remota għal bosta Ewropej, iżda fir-realtà, din il-kwistjoni mhijiex daqstant imbiegħda daqs kemm wieħed jista’ jaħseb. Instab li ħafna oġġetti li nużaw kuljum, fosthom ħwejjeġ u smartphoes, għandhom materjali li jiġu manifatturati bl-użu ta’ xogħol furzat.
Sforzi għat-tnaqqis u l-prevenzjoni tal-iskjavitù moderna wasslu għal tnaqqis kostanti tal-għadd ta’ persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ xogħol furzat. Madankollu, fl-2016 din ix-xejra inqalbet.
L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tistma li fl-2021 kien hemm 28 miljun persuna li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ xogħol furzat, 10 miljuni aktar mill-2016. Matul l-istess perjodu, l-għadd ta’ tfal ta’ bejn il-5 snin u s-17-il sena li huma involuti fi tħaddim tat-tfal żdied b’aktar minn 8 miljuni għal total ta’ 160 miljun.
L-Unjoni Ewropea użat il-politika kummerċjali biex tiġġieled kontra l-iskjavitù moderna lil hinn mill-fruntieri tagħha. Dawn l-isforzi ħallew il-frott. Kmieni din is-sena, l-ILO ddikkjarat li l-Użbekistan huwa ħieles mit-tħaddim tat-tfal u mix-xogħol furzat, wara ħidma konġunta bejn l-UE, l-Istati Uniti, il-Ġermanja, l-Iżvizzera u l-ILO.
Aktar reċenti, l-UE saħħet l-għodod li hija tuża biex tindirizza prattiki ħżiena fil-qasam tax-xogħol lil hinn mill-fruntieri tagħha. Fi Frar, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar Xogħol deċenti madwar id-dinja, li tafferma mill-ġdid l-impenn tal-Ewropa għal xogħol deċenti fi ħdanha u lil hinn mill-fruntieri tagħha. Il-Komunikazzjoni ddeskriviet ukoll oqsma li l-Kummissjoni beħsiebha tiffoka fuqhom fit-tisħiħ tal-għodod eżistenti u dawk futuri. Id-Direttiva proposta dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva tistabbilixxi obbligu fuq l-impjegaturi l-kbar biex jindirizzaw l-impatti negattivi fuq l-ambjent u fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-ktajjen tal-provvista tagħhom. Barra minn hekk, bħala parti mid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President von der Leyen ħabbret proposta li tipprojbixxi prodotti magħmulin minn xogħol furzat milli jidħlu fis-suq tal-UE.
Aħna se nkomplu nappoġġjaw bil-qawwa l-ħidma tal-Kummissjoni favur xogħol deċenti. Madankollu, ninsabu mħassba li l-lakuni fil-proposti attwali jistgħu jwasslu għal implimentazzjoni subottimali. Ħafna SMEs mhux se jilħqu l-limitu tal-impjegati jew tal-fatturat nett li jdaħħluhom fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni. L-użu ta’ terminoloġija vaga fid-Direttiva jippreġudika l-effikaċja tagħha u jeħtieġ aktar kjarifika. In-nuqqas ta’ kodifikazzjoni tal-istrutturi għad-djalogu soċjali jirriskja li jħalli barra lill-ħaddiema bħala għodda effettiva fis-sorveljanza. L-isforzi tal-Ewropa biex ittejjeb l-istandards tax-xogħol madwar id-dinja ċertament huma nobbli, iżda għad irridu naraw jekk il-proposti tagħha humiex se jiġu infurzati b’mod adegwat. (lc)