European Economic
and Social Committee
It-tranżizzjoni diġitali trid tkun ġusta: id-drittijiet tal-bniedem u l-kontroll mill-bniedem iridu jibqgħu elementi ċentrali
Ħafna Ewropej għadhom mhux diġitalment litterati u l-biċċa l-kbira tal-amministrazzjonijiet nazzjonali għadhom ma implimentawx soluzzjonijiet diġitali. Jekk l-aċċess tan-nies għal xi servizzi ta’ interess ġenerali jkun kundizzjonali fuq li wieħed ikollu identità diġitali, dan jista’ jirriżulta f’sitwazzjoni fejn kulħadd jitlef: għadd sinifikanti ta’ Ewropej jistgħu jaraw id-dritt tagħhom li jaċċessaw dawn is-servizzi mċaħħad.
L-Opinjoni tal-KESE adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Lulju u abbozzata minn Dumitru Fornea jwissi dwar dan. Għodod ta’ governanza ġodda introdotti mir-rivoluzzjoni diġitali u industrijali m’għandhomx ikunu oppressivi u jagħmlu l-ħajja tan-nies dipendenti fuq sħubija f’sistemi ta’ teknoloġija diġitali li huma kkontrollati b’mod mhux demokratiku.
“Il-vantaġġi ta’ soluzzjonijiet ta’ teknoloġija diġitali huma ovvji,” qal is-Sur Fornea. “Madankollu, l-implimentazzjoni rapida tagħhom, speċjalment għal servizzi ta’ interess ġenerali bħall-identità diġitali, tista’ twassal għall-esklużjoni ta’ għadd sinifikanti ta’ Ewropej. Irridu nassiguraw li l-bnedmin jibqgħu fuq it-tmun, b’kontroll demokratiku u bl-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.”
Skont il-KESE, soluzzjonijiet ta’ teknoloġija diġitali, bħall-identità diġitali, mezzi ta’ pagament diġitali u l-inkorporazzjoni fi pjattaformi ta’ realtà virtwali u awmentata għandhom jibqgħu għodod komplementari u m’għandhomx jieħdu post kompletament u b’mod mhux ġust prattiki oħrajn li ġew żviluppati u perfezzjonati mill-bniedem tul eluf ta’ snin.
Il-KESE kien l-ewwel istituzzjoni Ewropea li sejħet għal approċċ “human-in-command” meta jiġu ttrattai sistemi tal-IA u jtenni li huwa ta’ importanza vitali għall-bniedem li jkollu l-aħħar kelma dwar u jkun f’kontroll totali tal-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward ta’ żviluppi fil-makkinarju. (mp)