Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) esprima xi riżervi għall-proposta reċenti tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni ta’ tagħlim imħallat – it-tagħlim tradizzjonali mmexxi mill-għalliema flimkien ma’ attivitajiet online jew indipendenti – fl-edukazzjoni primarja u sekondarja, u jqajjem dubji dwar it-tempestività tiegħu fid-dawl tal-effett kbir li l-pandemija tal-COVID-19 kellha fuq is-sistemi edukattivi fl-Ewropa u lil hinn.

F’Opinjoni dwar it-tagħlim imħallat adottata matul is-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Ottubru, il-KESE qajjem dubji dwar l-adegwatezza ta’ dan il-mod ta’ tagħlim għall-istudenti tal-iskejjel primarji u l-ewwel snin tal-iskejjel sekondarji, u sostna li dan għandu jiġi introdott għall-klassijiet superjuri, peress li studenti iżgħar, speċjalment dawk fl-ewwel snin tal-iskola primarja, ġeneralment ma jkunux maturi biżżejjed biex jitgħallmu waħedhom.

Għandna dubju dwar kemm huwa ż-żmien ideali biex jiġi introdott jew imħeġġeġ it-tagħlim imħallat fl-iskejjel. Il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt enormi fuq is-sistemi edukattivi u fuq it-tfal, speċjalment it-tfal żgħar li għadhom kemm jibdew l-esperjenza skolastika tagħhom. It-tagħlim imħallat jinkludi it-tagħlim indipendenti u jirrikjedi ċertu ħiliet”, sostniet ir-relatur tal-Opinjoni, Tatjana Babrauskienė.

Il-KESE jirrikonoxxi li t-tagħlim imħallat jista’ jtejjeb l-aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ, u l-ħiliet diġitali, kif ħareġ fid-dieher matul il-kriżi tal-COVID-19.

Madankollu, il-pandemija wriet ukoll li ċerti studenti ma għandhomx ir-riżorsi – prattiċi jew personali – biex jitgħallmu b’dan il-mod, li fl-agħar xenarju jista’ jwassalhom biex jitilqu mill-iskola. Barra minn hekk, il-pandemija wriet li l-edukazzjoni tinvolvi kuntatt mill-qrib mal-pari, li huwa essenzjali għas-soċjalizzazzjoni u s-saħħa mentali tat-tfal.

Ma nistgħux nissottovalutaw l-importanza tar-rwol soċjali tal-edukazzjoni. L-edukazzjoni mhijiex biss dwar ix-xjenza, il-fiżika jew il-matematika: iżda hija wkoll dwar li t-tfal imorru l-iskola flimkien, jitħalltu, u jiltaqgħu ma’ tfal tamparhom. Din hija kwistjoni ta’ edukazzjoni fiżika u ta’ saħħa mentali”, qal il-korelatur Michael McLoughlin.

Il-KESE ppreżenta 21 rakkomandazzjoni sabiex jiġi żgurat li t-tagħlim imħallat ikollu rwol pożittiv fl-edukazzjoni. Punt ewlieni huwa li t-tagħlim imħallat għandu jiġi implimentat u ffinanzjat sabiex isaħħaħ l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-istudenti kollha, b’enfasi partikolari fuq dawk li ġejjin minn sfondi b’introjtu aktar baxx, tfal b’diżabilitajiet u tfal minn żoni rurali.

Matul il-kriżi tal-COVID-19, sar evidenti li t-tagħlim imħallat jirrikjedi ħin u kreattività konsiderevoli min-naħa tal-għalliema li huma mgħobbija żżejjed, u li huma essenzjali biex jiġi żgurat tfassil u superviżjoni effikaċi tat-tagħlim indipendenti.  

Diġà m’hemmx biżżejjed għalliema fl-Ewropa, parzjalment minħabba kwistjonijiet relatati mal-paga u kundizzjonijiet tax-xogħol diffiċli. Għalhekk huwa importanti li jiġu mmonitorjati l-impatti tat-tagħlim imħallat fuq il-kundizzjonijiet u t-tagħbijiet tax-xogħol biex jiġu evitati l-eżawriment. Sabiex titnaqqas il-pressjoni, il-KESE jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali biex jappoġġjaw lill-għalliema waqt li jkunu qed jitħarrġu għal dan il-metodu ġdid ta’ tagħlim. (ll)