Kif l-aħjar tiġi żgurata l-awtonomija strateġika tal-industrija Ewropea kien il-fokus ta’ dibattitu dwar il-politika industrijali fis-sessjoni plenarja tal-KESE ta’ Ottubru.

Il-plenarja tal-KESE fil-21 ta’ Ottubru ospitat dibattitu ma’ Padmashree GEHL SAMPATH, Berkman Klein Fellow fl-Università ta’ Harvard, dwar kif l-istrateġija industrijali tista’ tappoġġja t-tranżizzjoni doppja lejn ekonomija ekoloġika u diġitali, tikkontribwixxi għall-irkupru tal-Ewropa u ssaħħaħ l-awtonomija strateġika u r-reżiljenza tagħha.

Padmashree Gehl Sampath, espert ewlieni dwar it-teknoloġija, l-iżvilupp u l-ekonomija politika globali, ressqet argument favur tip ġdid ta’ intervent pubbliku li ma jiffokax biss biex jikkoreġi l-fallimenti tas-suq, iżda biex jidderieġi t-tibdil teknoloġiku f’direzzjonijiet produttivi f'termini soċjali.

Wasal iż-żmien li nikkunsidraw mill-ġdid il-politika industrijali b’mod kuraġġuż u bi ħsieb barra mill-kaxxa”, qalet. M’għandniex nirrepetu dak li ma ħadimx fil-passat.

L-ewwel pass fit-tfassil ta’ din il-politika industrijali ġdida għandu jkun li nirrikonoxxu li t-tnaqqis fl-intraprenditorija, l-innovazzjoni u l-kompetittività li esperjenzaw ekonomiji avvanzati qed ikun aggravat b’mod kostanti minn paradigmi u xejriet teknoloġiċi ġodda f’għadd kbir ta’ setturi u proċessi. L-inċertezza fid-dinja ta’ wara l-COVID mhijiex biss riżultat tal-pandemija.  Tirriżulta wkoll b’mod indirett mill-effetti multipli tan-networks xprunati mid-data, it-tqassim inġust tad-dividendi tad-diġitalizzazzjoni matul dawn l-aħħar 15-il sena, il-pressjoni fuq il-pajjiżi minħabba t-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni tal-enerġija, u t-tnaqqis - saħansitra kollass - tal-ktajjen tal-kummerċ globali u l-ktajjen tal-provvista li nbnew bir-reqqa sa mill-bidu tal-globalizzazzjoni fis-snin tmenin.

It-tieni pass ikun li titfassal strateġija ġdida bbażata fuq tliet proposti kuraġġużi:

1) Nirrikonoxxu li hemm interkonnettività akbar bejn it-tliet megatendenzi tal-futur – il-kura tas-saħħa/it-tħejjija għall-pandemija, it-tranżizzjoni tal-enerġija/l-azzjoni klimatika, u l-ekonomija tad-data - u l-użu tal-effett ta’ lieva tagħha. M’għandniex bżonn politika industrijali li tipprijoritizza dawn il-megatendenzi simultanjament fuq binarji differenti, iżda waħda li tqis dawn it-trasformazzjonijiet f’mudell ċirkolari ta’ bidla.

2) Niffavorixxu d-dinamiżmu fis-settur tat-teknoloġija billi niffokaw fuq iż-żamma fis-suq u l-prestazzjoni tas-suq, li hija kwistjoni aktar kruċjali mid-dħul fis-suq f’dawn is-setturi ewlenin kollha, speċjalment fis-settur tal-farmaċewtiċi u l-vaċċini, fejn bħalissa hemm xejriet oligopolistiċi qawwija.
 
3) Nadottaw approċċ settorjali reali għall-politika industrijali, li jmur lil hinn mill-miri komuni bħall-politika tal-kompetizzjoni minħabba li, għalkemm dawn is-setturi kollha huma ta’ teknoloġija avvanzata, b’livell intensiv ta’ riċerka u żvilupp u jiddependu fuq l-innovazzjoni u l-gwadanji, għandhom karatteristiċi differenti għalkollox.

Is-Sinjura GEHL SAMPATH staqsiet, jekk pereżempju nixtiequ tassew nippromovu suq tal-kura tas-saħħa fl-Ewropa bbażat fuq il-kwalitajiet pożittivi eżistenti, l-UE tkun tista’ tappoġġja programm bi skop pubbliku għal ekosistema tal-industrija tas-saħħa tat-tip Operation Warp Speed li l-Istati Uniti ħolqot immedjatament wara l-COVID? L-Ewropa tista’ tiffaċilita l-espansjoni fuq skala akbar tal-kwalitajiet pożittivi tal-intrapriżi bijoteknoloġiċi eżistenti tagħha permezz ta’ tipi ta’ programmi li jixbhu lil dawk tal-investiment pubbliku li jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-prodotti?

L-istrateġija industrijali kienet punt fokali ewlieni tal-ħidma tal-KESE f’dawn l-aħħar żminijiet. Bħalissa tinsab għaddejja serje ta’ webinars biex janalizzaw l-aspetti ta’ stress għall-industrija tal-lum. Bit-titolu Il-perkors lejn il-futur industrijali tagħna, is-serje se tintemm b’konferenza ewlenija f’Marzu 2022 fejn il-KESE se jiddibatti s-sejbiet tiegħu mal-Presidenza Franċiża tal-UE u mal-Kummissjoni Ewropea. (dm)