L-implimentazzjoni tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza (NRRPs) fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE teħtieġ sistemi ta’ governanza ċċarati. Id-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet bejn il-livelli ċentrali, reġjonali u lokali għadha mhix ċara. Il-KESE qed jallerta dwar dan u, fl-Opinjoni dwar L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2021 adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Ottubru u mfassla minn Gonçalo Lobo Xavier, jenfasizza li l-mekkaniżmi għall-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fil-fażijiet ta’ implimentazzjoni, monitoraġġ u aġġustament tal-NRRPs jeħtieġu aktar ċarezza.

Il-KESE diġà indika din il-kwistjoni fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Frar, iżda s-sitwazzjoni baqgħet li kienet minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea. Il-KESE għaldaqstant jappella bil-qawwa għal aktar skrutinju ta’ dawn l-aspetti kruċjali għall-irkupru tal-UE.

“Niġbdu l-attenzjoni għall-ħtieġa li nkejlu l-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Neħtieġu indikaturi ta’ monitoraġġ tajbin, peress li dawn huma essenzjali biex inwittu t-triq għall-iżvilupp u l-irkupru futur tal-UE. L-Istati Membri jridu jwieġbu b’mod adegwat għal din l-isfida: jeħtieġ li nkunu kuraġġużi biex ninfurmaw liċ-ċittadini dwar id-diffikultajiet kbar li ġejjin,” qal is-Sur Lobo Xavier, waqt id-dibattitu.

Fl-Opinjoni dwar Il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 2021, abbozzata minn Kristi Sõber, il-KESE indika wkoll li l-pandemija għada ma spiċċatx u li r-riperkussjonijiet ekonomiċi se jinħassu għall-bosta snin. Għalhekk hija meħtieġa taħlita speċifika u ġdida ta’ politiki ekonomiċi u ta’ emerġenza. L-ekonomiji tal-UE u taż-żona tal-euro qed jerġgħu jikbru malajr. Fl-istess ħin, madankollu, l-UE għaddejja mill-aktar perjodu diffiċli fl-istorja ekonomika tal-integrazzjoni Ewropea. F’dan iż-żmien kritiku, l-infiq tal-gvern biss jista’ jgħin biex itaffi s-sitwazzjoni.

Il-KESE japprezza r-reazzjoni rapida fil-livell tal-UE u dak nazzjonali kontra l-pandemija u jilqa’ l-fatt li l-isforzi konġunti saru parti sostanzjali mill-istrateġija ta’ rkupru. Waqt id-diskors tagħha fil-plenarja, is-Sinjura Sõber qalet: “Speċjalment fl-ewwel nofs tal-2020, l-Inizjattivi ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus għenu biex jittaffew iċ-ċirkostanzi ekonomiċi diffiċli ħafna, prinċipalment billi stabbilizzaw is-swieq, l-impjiegi u l-introjtu personali. Dan l-ewwel pass kien segwit minn NextGenerationEU, il-kontribut fiskali robust u innovattiv ħafna. Iż-żewġ inizjattivi kienu rispons rapidu u flessibbli għall-pandemija. (mp)