Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) stieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiżviluppaw Strateġija Ewropea ġdida għall-Persuni Akbar fl-Età, li tmur lil hinn mill-perċezzjoni attwali tal-persuni akbar fl-età bħala piż u spiża għas-soċjetà. Minflok, l-istrateġija għandha tisfrutta l-potenzjal soċjali, ekonomiku u intellettwali tagħhom, li spiss jiġi injorat.

Fin-nuqqas ta’ politika komprensiva dwar il-persuni akbar fl-età u l-etaiżmu, din għandha tkun l-ewwel strateġija tal-UE li tipproteġi d-drittijiet tal-persuni akbar fl-età u tiżura l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà u fl-ekonomija.

L-appelli tal-KESE ġew ippreżentati f’Opinjoni li ġiet adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Lulju, li matulha sar dibattitu mal-Viċi President tal-Kummissjoni għad-Demokrazija u d-Demografija, Dubravka Šuica, u mal-President ta’ AGE Platform Europe, Dr Heidrun Mollenkopf. L-Opinjoni ġiet mitluba mill-Presidenza Spanjola tal-Kunsill tal-UE.

L-Istrateġija tgħin sabiex teqred il-fehmiet tal-etaiżmu li jżidu d-diskriminazzjoni kontra n-nies akbar fl-età, li, flimkien mad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru, ikomplu jkunu fil-quċċata tal-lista tal-aktar forom komuni ta’ diskriminazzjoni fl-UE, minkejja l-fatt li l-Ewropa qiegħda tixjieħ b’rata mgħaġġla. Il-Eurostat jistma li sal-2050, l-għadd ta’ persuni fl-UE ta’ bejn il-75 u l-84 sena se jiżdied b’56.1 %, filwaqt li l-għadd ta’ persuni ta’ bejn il-65 u l-74 sena ser jiżdied b’16.6 %.

“Il-KESE qed jagħmel appell ċar u inekwivoku lill-Kummissjoni biex tfassal Strateġija Ewropea għall-Persuni Akbar fl-Età qabel it-tmiem tal-mandat attwali tagħha. Nemmen li din tirrappreżenta punt tat-tluq li se jkollha effetti estensivi għall-politika soċjali u demografika Ewropea”, qal ir-relatur tal-Opinjoni, Miguel Angel Cabra de Luna.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Dubravka Šuica qalet: “Il-persuni akbar fl-età la huma spiża u lanqas piż. Huma ta’ vantaġġ. Ma nistgħux inħarsu lejn it-tibdil demografiku b’mod iżolat. Jeħtieġ li nosservaw kif it-tibdil demografiku jinteraġixxi mal-megatendenzi bħat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali”.

“Il-persuni akbar fl-età ma għandhomx jitieqsu bħala benefiċjarji soċjali, iżda bħala ċittadini bl-istess drittijiet għal ħajja sħiħa mingħajr diskriminazzjoni bħall-persuni ta’ kull età. Dawn id-drittijiet iridu jiġu garantiti fl-oqsma kollha tal-ħajja”, qal Dr Mollenkopf.

Barra minn hekk, il-persuni akbar fl-età għandhom porzjon sinifikanti ta’ ġid f’diversi pajjiżi, b’mod partikolari l-kapaċità tal-akkwist. L-ekonomija tal-anzjani, xprunata minn konsumaturi akbar fl-età, hija pproġettata li tgħaddi minn tkabbir sostanzjali u hija stmata li tilħaq EUR 5.7 triljun sal-2025. Biex tindirizza dan il-potenzjal, l-UE teħtieġ strateġiji effettivi li jqisu d-dinamika reġjonali u l-opportunitajiet offruti li toffri din l-ekonomija. (ll)