European Economic
and Social Committee
Att dwar iċ-Ċipep għall-Ewropa: l-approċċ “mil-laboratorju għall-manifattura” mhuwiex biżżejjed biex tinkiseb ir-reżiljenza
F’pakkett ġdid ta’ Opinjonijiet, il-KESE jargumenta li l-katina tal-valur kollha tas-semikondutturi jeħtieġ li tissaħħaħ, inklużi l-istadji finali tal-produzzjoni, fejn il-pandemija tal-COVID-19 ħarġet fid-dieher ukoll lakuni kritiċi.
Fil-plenarja ta’ Ġunju, il-KESE adotta pakkett ta’ Opinjonijiet dwar l-inizjattiva tal-Att dwar iċ-Ċipep għall-Ewropa. Huwa u jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni bħala inizjattiva tajba ħafna b’mod ġenerali biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet esperjenzati matul il-pandemija COVID-19, il-KESE enfasizza madankollu li l-Kummissjoni għandha tmur lil hinn f’oqsma speċifiċi.
L-ewwel u qabel kollox, il-KESE jemmen li biex l-industrija Ewropea tikseb reżiljenza strateġika, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat is-settur kollu tas-semikondutturi: “Il-prinċipju “mil-laboratorju għall-manifattura” tal-Kummissjoni mhuwiex biżżejjed għaliex il-katina tal-valur ma tieqafx fl-istadju tal-manifattura”, jenfasizza Heiko Willems, relatur tal-Opinjoni tal-KESE dwar Att dwar iċ-Ċipep għall-Ewropa.
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-istadji ta’ wara l-produzzjoni – l-imballaġġ, l-ittestjar u l-assemblaġġ – mhumiex koperti bis-sħiħ. “Il-produzzjoni Ewropea xi drabi tintbagħat lejn ix-Xlokk tal-Asja għall-imballaġġ u mbagħad tintbagħat lura lejn l-Ewropa: dan mhuwiex l-approċċ it-tajjeb għall-awtonomija strateġika, wara l-perikli li ħabbatna wiċċna magħhom dawn l-aħħar snin”, jgħid Dirk Bergrath, relatur tal-Opinjoni tal-KESE dwar Ekosistema Ewropea tas-semikondutturi (l-Att dwar iċ-Ċipep).
Fl-istess ħin, huwa importanti li l-Ewropa tibqa’ miftuħa peress li s-settur taċ-ċipep huwa wieħed mill-aktar ktajjen tal-valur globalizzati fid-dinja. L-istabbiliment ta’ katina tal-valur magħluqa ma jagħmel l-ebda sens ekonomiku. Il-kisba ta’ bilanċ tajjeb bejn it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Ewropa u t-tisħiħ tas-sħubijiet ma’ pajjiżi tal-istess fehma hija, fl-opinjoni tal-KESE, it-triq it-tajba li għandha tiġi segwita.
Biex tittaffa l-iskarsezza tas-semikondutturi, l-UE għandha bżonn tindirizza diversi kwistjonijiet: l-aċċess għall-materja prima, il-faċilitajiet tar-R&Ż, il-proprjetà intellettwali, l-għarfien teknoloġiku kif ukoll id-disponibbiltà ta’ ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati. Dan jeħtieġ ħafna investiment u appoġġ mis-settur pubbliku. Il-Kummissjoni ppjanat li tiġbor EUR 43 biljun fis-snin li ġejjin. Madankollu, parti kbira minn dan il-baġit diġà hija allokata għal programmi oħra bħal Orizzont Ewropa u Ewropa Diġitali, u se tiġi riallokata biss.
“Fejn huma l-flus ġodda għall-industrija?”, jistaqsi Stoyan Tchoukanov, relatur tal-Opinjoni tal-KESE dwar Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep. “Ejja nqabblu dan mal-Istati Uniti, li qed tinvesti USD 52 biljun bejn l-2021 u l-2026, u ċ-Ċina li qed tfittex li timmobilizza USD 150 biljun sal-2025. Anke pajjiż iżgħar bħall-Korea qed jippjana li jinvesti USD 450 biljun sal-2030.”
L-UE se jkollha ssib fondi pubbliċi addizzjonali u l-KESE qed jappella lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-pjani ta’ investiment tagħha. L-investiment privat jeħtieġ ukoll li jingħata spinta biex jinġabru EUR 43 biljun.
Il-Kummissjoni qed tiftaħ il-bieb għall-għajnuna mill-Istat sa 100 % tad-diskrepanza fil-finanzjament għal faċilitajiet li huma l-ewwel tat-tip tagħhom, jiġifieri faċilitajiet li għadhom ma jeżistux fl-Ewropa, biex tappoġġja segmenti tat-teknoloġija li huma partikolarment vulnerabbli minħabba tħassib ġeopolitiku jew rilevanza strateġika.
It-tliet relaturi jistqarru li: “Ilkoll naqblu li jekk ikollna dipendenzi qawwija fl-Ewropa u nuqqas ta’ kapaċitajiet fejn neħtieġu s-saħħa, il-proġetti jeħtieġ li jiġu ffinanzjati wkoll bi flus pubbliċi. Iżda l-fatt li jkun hemm 100 % tal-għajnuna mill-Istat huwa sinjal ta’ twissija, għaliex imbagħad ikun possibbli li jiġi ppreżentat proġett li mhuwiex verament sostenibbli.” Il-vijabilità ekonomika ta’ dawn il-faċilitajiet għandha tkun garantita, għall-inqas fil-perjodu medju, mingħajr tellieqa għas-sussidji, l-ebda ħolqien ta’ kapaċitajiet żejda u l-ebda distorsjoni tas-suq.