Seduta tal-KESE li saret fit-8 ta’ April, li laqqgħet flimkien atturi ewlenin fil-politika dwar id-diżabilità, inklużi l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tindika l-ħtieġa li tiżdied ir-rata ta’ impjieg tal-persuni b’diżabilità, speċjalment iż-żgħażagħ. Minkejja l-isforzi legali, id-data turi li ħafna minnhom għadhom qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni fid-dinja tax-xogħol minħabba sterjotipi li juru li mhumiex produttivi.

L-iskop prinċipali tas-seduta kien li l-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità rrikonoxxiet il-problemi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ b’diżabilità fl-oqsma tal-impjieg u tal-edukazzjoni. Madankollu, l-imsieħba soċjali għad iridu jaraw kemm se jkunu ambizzjużi dawn l-isforzi.

Iż-żgħażagħ b’diżabiltià jiffaċċjaw ostakli meta jiġu biex jidħlu fis-suq tax-xogħol u dawn l-ostakli jeżistu fis-settur privat kif ukoll fis-settur pubbliku. Tabilħaqq, ir-rata tal-qgħad fost il-persuni b’diżabilità hija sproporzjonatament għolja meta mqabbla mal-popolazzjoni ġenerali, speċjalment għan-nisa u ż-żgħażagħ. Skont l-aħħar data reċenti disponibbli fil-livell tal-UE, il-persuni b’diżabilità huma 24.4% inqas probabbli li jiġu impjegati. Il-pandemija tal-COVID-19 jidher li żiedet din l-inugwaljanza.

Daphne Nathalie Ahrendt, Maniġer ta’ livell għoli fir-Riċerka fi ħdan l-Aġenzija Eurofound, ippreżentat ir-riżultati ta’ stħarriġ mill-Eurofound: 27% tar-rispondenti b’diżabilità kienu qiegħda, meta mqabbla ma’ 12% tar-rispondenti mingħajr diżabilità. 55% minnhom huma kkunsidrati bħala finanzjarjament fraġli, meta mqabbla ma’ 38% ta’ persuni ta’ mparhom mingħajr diżabilità. Il-biċċa l-kbira tar-rispondenti b’diżabilità huma aktar probabbli li jiffaċċjaw depressjoni u solitudni.

Skont Francesca Sbianchi mill-Kumitat taż-Żgħażgħa fi ħdan il-Forum Ewropew dwar id-Diżabbiltà, “ħafna minna qed naffaċċjaw żieda fl-għoli tal-ħajja u b’hekk niddependu minn servizzi ta’ appoġġ u benefiċċji kontra d-diżabilità biex ngħixu bid-dinjità”. Wieħed mill-prerekwiżiti ewlenin biex tintemm parti minn din l-inugwaljanza hija li l-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jżommu l-benefiċċji kontra d-diżabilità meta jibdew jaħdmu, sabiex jingħataw iż-żmien biex isiru indipendenti finanzjarjament.

Stefan Tromel mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol indika li, għalkemm il-forom ġodda ta’ impjieg jirrappreżentaw opportunitajiet li jiġu inklużi aktar persuni b’diżabilità, id-data tal-OECD turina li għad hemm diskrepanza fil-ħiliet diġitali bejn persuni b’diżabilità u dawk mingħajr diżabilità, u x-xogħol mill-bogħod għandu jibqa’ alternattiva. Sabiex tintemm din id-diskrepanza u titjieb l-aċċessibbiltà fuq il-post tax-xogħol, it-trade unions jeħtieġ li jaħdmu flimkien mal-imsieħba soċjali: il-kumitati ekonomiċi u soċjali ta’ kull pajjiż jistgħu jkunu pjattaforma tajba li tipprovdi dan l-ispazju.

Il-persuni b’diżabilità jiffaċċjaw diskriminazzjoni akbar jekk ikunu żagħżagħ. Peress li l-2022 hija s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, huwa essenzjali li jinkiseb fehim aħjar tar-realtà li qed jiffaċċja dan il-grupp partikolari. (rl)