L-10 Jum tal-IĊE, iddedikat għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, sar eċċezzjonalment online u fuq jumejn. Il-President tal-KESE Christa Schweng, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Věra Jourová u l-Viċi President tal-Parlament Ewropew Pedro Silva Pereira evalwaw l-istat ta’ dan l-istrument uniku ta’ demokrazija parteċipattiva.

Fir-rimarki introduttorji tagħha, is-Sinjura Schweng saħqet li fattur ewlieni ta’ kull proċess parteċipattiv huwa l-impatt tiegħu: “Nuqqas ta' impatt jista’ joħloq diżappunt, diżimpenn u frustrazzjoni fost iċ-ċittadini.” Żiedet tgħid:“Huwa biss billi żżid l-impatt tagħha li l-IĊE ssir għodda b’saħħitha li tkun tista’ terġa’ tgħaqqad l-UE maċ-ċittadini tagħha”.

S’issa, sitt inizjattivi biss irnexxielhom jilħqu l-limiti meħtieġa għall-iffirmar mill-2012 u l-impatt tagħhom kien pjuttost limitat u wasal tard. Madankollu, hemm raġunijiet għall-ottimiżmu minħabba li l-2021 rat jidħlu fis-seħħ l-ewwel żewġ biċċiet ta’ leġiżlazzjoni ispirati mill-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej: id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, li kienet influwenzata mill-inizjattiva Right2Water, u l-hekk imsejjaħ Regolament dwar it-Trasparenza, li huwa segwitu għall-inizjattiva Ban glyphosate.

Fil-messaġġ bil-video tagħha, is-Sinjura Jourová ġibdet l-attenzjoni għall-bidliet u t-titjib introdotti mir-Regolament IĊE l-ġdid, li daħal fis-seħħ f'Jannar 2020. Hija mbagħad spjegat li l-impatt reali tal-inizjattivi tal-IĊE jmur lil hinn mis-segwitu leġiżlattiv: “Anke inizjattivi li ma jilħqux l-aħħar stadji formali tal-proċess jista’ jkollhom ukoll impatti multipli,” qalet. “Mill-mument li ċ-ċittadini jibdew Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, huma jġibu l-kwistjoni li jimpurtahom minnha fl-ispazju pubbliku. U dan jiġġenera għarfien u jipproduċi effetti.”

Is-Sur Silva Pereira qal li l-Parlament Ewropew kien għadu qed imexxi d-dibattitu dwar kif ikun hemm sensibilizzazzjoni dwar l-IĊEu kif jista’ jittejjeb il-mod ta’ kif taħdem: "Huwa importanti li jiġi żgurat li jekk inizjattiva jirnexxilha tilħaq l-aħħar stadju, din tiġi kkunsidrati serjament u indirizzata kif suppost.” (na)