European Economic
and Social Committee
“Il-Patt Ekoloġiku Ewropew se jkun ġust, jew sempliċiment mhux se jsir”
Fil-plenarja tal-KESE ta’ Ġunju, Frans Timmermans ħabbar miżuri sabiex dawk l-aktar vulnerabbli jiġu mħarsa mill-estensjoni possibbli tal-ipprezzar tal-karbonju għall-fjuwils li jintużaw għat-tisħin u għat-trasport, u sema’ l-proposti tal-KESE sabiex jittejjeb it-teħid ta’ deċiżjonijiet korporattivi dwar it-tranżizzjoni ekoloġika permezz tad-djalogu soċjali.
Il-President tal-KESE, Christa Schweng, filwaqt li laqgħet lill-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans, qalet: “Il-Patt Ekoloġiku huwa strateġija ambizzjuża għat-tkabbir sabiex l-UE tikseb newtralità klimatika sal-2050 u jipprovdi impetu ekonomiku, iżda d-dimensjonijiet soċjali, u dawk marbuta max-xogħol, is-saħħa u l-ekwità għandhom jissaħħu sabiex l-ebda persuna, komunità, ħaddiem, settur jew reġjun ma jitħalla jibqa’ lura”.
Is-Sur Timmermans sostna li d-dimensjoni soċjali tat-tranżizzjoni ekoloġika hija tħassib ewlieni għall-Kummissjoni, peress li l-pandemija aggravat bil-kbir id-disparitajiet soċjali. Huwa ddeskriva l-elementi ewlenin tal-pakkett Fit for 55 li għandu jiġi ppreżentat fl-14 ta’ Lulju.
Il-pakkett se jintegra l-ġustizzja soċjali fil-proposti l-ġodda”, tenna s-Sur Timmermans, billi:
- il-piż tal-azzjoni dwar il-klima jinqasam b’mod ġust bejn l-industriji, l-gvernijiet u l-individwi, u
- jiġi introdott mekkaniżmu soċjali sabiex jgħin biex jittaffa l-impatt tal-miżuri fuq dawk l-aktar vulnerabbli, bħall-estensjoni possibbli tal-ipprezzar tal-karbonju għall-fjuwils li jintużaw għat-tisħin u għat-trasport.
“Jeħtiġilna nipproteġu l-unitajiet domestiċi vulnerabbli minn żidiet potenzjali fil-prezz tal-fjuwils għat-tisħin u t-trasport, speċjalment f’reġjuni fejn alternattivi nodfa mhumiex faċilment disponibbli”, qal is-Sur Timmermans. “Jekk se nintroduċu skema għan-negozjar ta’ emissjonijiet għal dawn il-fjuwils, dan ifisser li rridu nsaħħu l-impenn tagħna għall-ġustizzja soċjali. Kwalunkwe proposta dwar in-negozjar ta’ emissjonijiet f’dawn is-setturi l-ġodda fl-istess ħin trid tkun akkumpanjata bi proposta dwar l-impatt soċjali”.
Bħala parti mid-dibattitu, is-Sur Timmermans sema’ l-kontribut tal-KESE dwar it-tfassil ta’ patt soċjali bħala parti integrali tal-Patt Ekoloġiku. Il-proposti, stabbiliti mir-relatur Norbert Kluge f’Opinjoni bit-titolu L-ebda patt ekoloġiku mingħajr patt soċjali jiffukaw fuq parteċipazzjoni tal-ħaddiema aktar b’saħħitha fit-teħid ta’ deċiżjonijiet korporattivi u fuq ir-responsabbiltà soċjali korporattiva.
“Aħna nemmnu li billi tinstema’ l-vuċi tal-ħaddiema nistgħu ntejbu l-kwalità tad-deċiżjonijiet ekonomiċi li l-kumpaniji jieħdu fit-tranżizzjoni lejn mudell ekoloġiku”, qal is-Sur Kluge.
“L-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema, kif ukoll il-parteċipazzjoni fil-livell tal-bord ixaqilbu favur approċċ aktar fit-tul u jtejbu l-kwalità tat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’aġenda ta' riforma ekonomika”, tenna s-Sur Kluge.
Madankollu, il-KESE jenfasizza li patt soċjali bħala parti essenzjali ta’ Patt Ekoloġiku mhux relatat biss max-xogħol. Dan jikkonċerna l-introjtu, is-sigurtà soċjali u l-appoġġ fiskali għal dawk kollha li jkollhom bżonnu, inklużi dawk mingħajr l-ebda aċċess għax-xogħol. (dm)