European Economic
and Social Committee
Irkupru ekonomiku sostenibbli huwa l-uniku mod biex insaħħu l-Ewropa Soċjali tagħna
Mill-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE
Bi tħejjija għas-Summit Soċjali f’Porto x-xahar id-dieħel, membri tal-Grupp ta’ Min Iħaddem iltaqgħu ma’ Nicolas Schmit, Kummissarju għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali Matul dibattitu sinċier u miftuħ, il-president tal-Grupp ta’ Min Iħaddem, is-Sur Mallia, enfasizza l-ħtieġa għal irkupru ekonomiku rapidu, li huwa possibbli biss jekk niżguraw li l-kumpaniji tagħna jkollhom l-ambjent tan-negozju t-tajjeb biex ikunu kompetittivi, joħolqu l-impjiegi u b’hekk jiggarantixxu l-benessri għas-soċjetajiet tagħna.
Fl-eqqel tal-agħar reċessjoni ekonomika sa mit-Tieni Gwerra Dinjija, irkupru ekonomiku tajjeb huwa kemm prerekwiżit għall-progress soċjali kif ukoll mod biex jiffaċilitah.
Dan ifisser li l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u s-Summit Soċjali f’Porto m’għandhomx jindirizzaw biss il-politika soċjali, imma anke l-irkupru ekonomiku u l-kompetittività.
Għalhekk, il-promozzjoni tal-ħolqien ta’ impjiegi u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ma jistgħux jinvolvu leġiżlazzjoni ġdida jew obbligi oħrajn li jżidu l-piż fuq il-kumpaniji. Dan l-approċċ ma ħadimx fil-passat u żgur li mhux se jkun effettiv f’din il-kriżi ekonomika drammatika.
Minflok, jeħtieġ niffokaw biex noħolqu swieq tax-xogħol fejn il-flessibbiltà u l-ħila tan-negozji biex jadattaw għat-tibdil ikunu akkumpanjati minn sigurtà adatta għall-ħaddiema.
Settur li jiffjorixxi tal-industrija u tas-servizzi, flimkien mal-intraprenditorija jibqgħu kruċjali għall-prosperità u l-benessri futuri tal-Ewropa. Neħtieġu forza tax-xogħol b’ħiliet u innovattiva biex nibdew it-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi. Li niżguraw bażi kompetittiva għall-investimenti huwa fundamentali biex inżommu l-mudell soċjali tagħna.
Il-leġiżlazzjoni tal-UE għandha tkun limitata għal kwistjonijiet li jkunu tabilħaqq ta’ natura transfruntiera. Meta l-UE tilleġiżla, l-inizjattivi l-ġodda kollha fil-livell tal-UE għandhom ikunu bbażati aħjar fuq l-evidenza u vvalutati dwar kif jikkontribwixxu għall-kompetittività. Verifika ġdida u mmirata tal-kompetittività fir-rigward tal-inizjattivi ġodda kollha tkun ta’ għajnuna biex jintlaħaq dan l-għan.
Il-Grupp ta’ Min Iħaddem iltaqa’ mal-Kummissarju Schmit fil-15 ta’ April. Fid-diskussjoni ssemmew għadd ta’ kwistjonijiet soċjali, bħall-pjan ta’ azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, is-Summit ta’ Porto, il-Proposta tal-Kummissjoni dwar pagi minimi adegwati, u d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv.
Id-diskors sħiħ tal-president tal-Grupp ta’ Min Iħaddem, is-Sur Mallia mal-Kummissarju Schmit jinsab fil-link: https://www.eesc.europa.eu/en/news-media/news/speech-president-mallia-eesc-employers-group-meeting-commissioner-schmit (dv/kr)