Fl-24 ta’ Marzu, il-KESE ospita dibattitu mal-Kummissarju tal-UE għall-Ugwaljanza, Helena Dalli, dwar l-istrateġija l-ġdida dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà, imnedija reċentement mill-Kummissjoni Ewropea.

L-istrateġija, li se tkun fis-seħħ mill-2021 sal-2030, għandha l-għan li tiżgura implimentazzjoni sħiħa fl-UE tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà (UNCRPD). Il-UNCRPD hija trattat rivoluzzjonarju li biddlet il-perċezzjoni tad-diżabbiltà billi adottat approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u tagħti lis-soċjetà r-responsabbiltà għat-tneħħija tal-ostakli li jipprevjenu lin-nies ikkonċernati milli jkunu inklużi bis-sħiħ fis-soċjetà.

“Nilqgħu l-Istrateġija ġdida tal-UE dwar id-Diżabbiltà. Madwar 87 miljun persuna fl-UE għandhom xi forma ta’ diżabbiltà, u aktar minn nofshom iħossuhom diskriminati”, qalet il-President tal-KESE, Christa Schweng fil-kummenti tal-ftuħ tagħha.

Hija fakkret li l-KESE kien l-ewwel istituzzjoni li adotta Opinjonijiet fuq inizjattiva proprja fl-2019 fejn appella għal Aġenda ġdida dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà li tkun allinjata bis-sħiħ mal-UNCRPD: “Ninsab kuntenta li ħafna mir-rakkomandazzjonijiet li aħna konna ressaqna ġew riflessi fl-Istrateġija tal-UE dwar il-Persuni b’Diżabbiltà proposta ftit tal-ġimgħat ilu”.

Il-KESE insista fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-UNCRPD, kemm fl-Opinjonijiet tiegħu kif ukoll permezz tal-ħidma tal-Grupp ta’ Studju tematiku tiegħu dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà, li ġie stabbilit biex jimmonitorja kif l-UNCRPD qed tiġi implimentata mill-Istati Membri.

L-Opinjoni dwar It-tiswir tal-aġenda tal-UE għal drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà 2020-2030 mhijiex l-uniku test tal-KESE dwar dan is-suġġett, huwa adotta bosta oħrajn ukoll, bħar-rapport ta’ informazzjoni u l-Opinjoni dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà biex jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Il-KESE se janalizza l-istrateġija l-ġdida f’Opinjoni ġdida, li għandha tiġi ppreżentata fis-sessjoni plenarja ta’ Lulju.

“Għaxar snin wara li l-UE rratifikat l-UNCRPD, issa huwa ż-żmien li nsaħħu l-azzjoni Ewropea fil-qasam tal-politiki dwar id-diżabbiltà. L-għan tagħna huwa li nwasslu bidliet pożittivi għall-ħajjiet tal-persuni b’diżabbiltà fl-UE u lil hinn, sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fuq bażi ugwali mal-oħrajn mingħajr ebda eċċezzjoni”, qalet il-Kummissarju Dalli.

Il-membri tal-KESE tkellmu favur l-istrateġija l-ġdida, iżda wissew li, meta jimplimentawha, l-UE u l-Istati Membri jeħtiġilhom jqisu l-effetti devastanti tal-pandemija fuq il-persuni b’diżabilità, speċjalment fil-qasam tal-impjieg u tal-edukazzjoni, fejn ġew aggravati l-inugwaljanzi eżistenti. (ll)