Id-drittijiet tal-vot tal-persuni b’diżabilità: il-KESE jitlob bidla fil-liġi elettorali tal-UE

This page is also available in

Il-KESE jqis li huwa inaċċettabbli u kontra l-valuri fundamentali tal-UE li, minħabba ostakli legali u tekniċi li għadhom fis-seħħ madwar l-Ewropa, l-ebda pajjiż tal-UE ma jista’ jiggarantixxi li l-elezzjonijiet ikunu kompletament aċċessibbli għal kulħadd.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) qed jistieden lill-Parlament Ewropew (PE), lill-Kunsill tal-UE u lill-Istati Membri biex jemendaw b’mod urġenti l-Att Elettorali tal-1976 b’mod li jiggarantixxi li ċ-ċittadini kollha tal-UE b’diżabilità jkollhom dritt ġenwin li jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-PE fl-2024.

Fl-Opinjoni tiegħu dwar Il-ħtieġa li jiġu garantiti drittijiet reali ta’ persuni b’diżabilità biex jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, adottata fit-2 ta’ Diċembru, il-KESE qal li kien qed jitlob li fit-test tal-Att jingħataw kjarifiki dwar il-prinċipji tal-universalità, is-segretezza u l-kapaċità diretta.

Dan itemm id-diskriminazzjoni kontra l-votanti b’diżabilità minħabba r-regoli jew l-arranġamenti attwali fi Stati Membri differenti, li jvarjaw b’mod konsiderevoli minn pajjiż għal ieħor. Dan jista’ wkoll ineħħi l-ostakli legali jew tekniċi attwalment fis-seħħ, li qed iċaħħdu miljuni mid-drittijiet tal-vot tagħhom.

“Il-KESE jqis li tali diskriminazzjoni hija inaċċettabbli u tmur kontra l-valuri fundamentali tal-UE, it-Trattat u l-atti legali u politiċi internazzjonali ewlenin,” qal ir-relatur għall-Opinjoni, Krzysztof Pater.

L-Opinjoni ġiet adottata fl-aħħar sessjoni plenarja tal-KESE, li fiha l-kwistjonijiet dwar id-diżabilità kienu fiċ-ċentru tal-attenzjoni, sabiex jitfakkar il-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabilità tal-2020, li ġie ċċelebrat madwar id-dinja fit-3 ta’ Diċembru. L-Opinjoni hija segwitu għar-rapport ta’ informazzjoni tal-KESE tal-2019.

“L-ewwel nett, din l-Opinjoni hija dwar id-dinjità tal-bniedem. Dak li qed nitolbu għandu x’jaqsam mal-prinċipju tad-drittijiet ugwali għal kulħadd. Kif jista’ jkun li fis-seklu 21, miljuni ta’ ċittadini tal-UE b’diżabilità ma jistgħux igawdu d-dritt tagħhom li jivvutaw, u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet kważi ma jagħmlu xejn biex ibiddlu dan? Din hija kwistjoni kruċjali għad-demokrazija tal-UE,” enfasizza s-Sur Pater.

Is-Sur Pater qal li huwa jittama li l-persuni b’diżabilità ma jiġrilhomx l-istess bħan-nisa Ewropej, li l-aħħar restrizzjoni fuq id-drittijiet tal-vot tagħhom fl-UE attwali ma tneħħitilhomx qabel l-1976, 70 sena wara li l-Finlandja saret l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li ta aċċess lin-nisa fil-postijiet tal-votazzjoni.

Il-KESE wissa li jekk ma jsir l-ebda tibdil legali, l-għadd ta’ ċittadini potenzjalment imċaħħda minn dan id-dritt ikompli jiżdied b’mod kostanti, fid-dawl tal-fatt li l-għadd ta’ persuni b’xi tip ta’ diżabilità fil-popolazzjoni tal-UE li qed tixjieħ malajr qed jiżdied b’medja ta’ perċentwal ta’ wieħed fil-mija kull sitt snin.

Id-drittijiet tal-vot jiċċaħħdu wkoll lil persuni li jkunu qed jieħdu kura għal żmien qasir fl-isptar, dawk li jkunu fil-proċess ta’ trattament jew riabilitazzjoni d-dar jew dawk f’iżolament minħabba riskji epidemjoloġiċi.

IR-RAPPORT TAL-KESE TAL-2019 INDIKA DISKRIMINAZZJONI KONTRA L-VOTANTI B’DIŻABILITÀ

Ir-rapport tal-KESE tal-2019, miktub mis-Sur Pater, elenka fid-dettall il-limitazzjonijiet u l-ostakli li jiffaċċjaw il-votanti b’diżabilità f’kull Stat Membru. Elenka wkoll 200 eżempju ta’ soluzzjonijiet, li jeżistu f’kull pajjiż.

Is-sejbiet tar-rapport, ippubblikati xahrejn qabel l-elezzjonijiet tal-PE tal-2019, aktar tard ġew ikkonfermati mir-rapporti elettorali mill-midja u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Minkejja xi bidliet pożittivi fil-liġijiet nazzjonali Franċiżi u Ġermaniżi immedjatament qabel l-elezzjonijiet tal-PE, ġie stabbilit li l-liġijiet nazzjonali ta’ 14-il pajjiż għadhom jeskludu madwar 400 000 ċittadin milli jivvutaw fuq il-bażi ta’ problemi ta’ saħħa mentali jew diżabilitajiet intellettwali. Il-persuni b’diżabilità li ma jistgħux jivvutaw minħabba arranġamenti organizzattivi jew tekniċi li jirriżultaw mir-regoli nazzjonali jistgħu jingħaddu f’miljuni.

Pereżempju, skont ir-rapport, fi tmien pajjiżi tal-UE, il-persuni li ma jistgħux fiżikament imorru fil-post tal-votazzjoni minħabba diżabilità jew mard ma għandhom l-ebda mod ieħor biex jivvutaw. Fi 18-il pajjiż, il-persuni b’vista batuta ma jistgħux jivvutaw b’mod indipendenti, u f’disa’ pajjiżi l-votanti jridu jiktbu n-numru ta’ identifikazzjoni tal-kandidat, isimhom jew l-isem tal-partit li qed jappoġġjaw fuq il-polza tal-votazzjoni, li huwa ostaklu serju għal ħafna.

L-AZZJONIJIET PROPOSTI MILL-KESE

Fil-fehma tal-KESE, il-prattiki eżistenti li jiddiskriminaw kontra ċ-ċittadini tal-UE b’diżabilità jistgħu jitneħħew malajr billi jiġi emendat l-Att Elettorali b’mod li jdaħħal obbligu għall-pajjiżi tal-UE biex jimplimentaw standards li jiggarantixxu li dawn il-persuni jkollhom dritt ġenwin li jivvutaw.

Għal dan il-għan, il-KESE qed jitlob li l-prinċipju tal-vot universali stabbilit fl-Att Elettorali għandu jiġi ċċarat permezz ta’ dikjarazzjoni li tistipula li l-ebda ċittadin tal-UE ma jista’ jiġi mċaħħad mid-dritt tiegħu li jivvota fl-elezzjonijiet tal-PE minħabba kundizzjoni ta’ diżabilità jew saħħa abbażi ta’ regolamenti nazzjonali.

Għandhom jiġu ċċarati wkoll il-prinċipji tal-kapaċità diretta u tas-segretezza tal-elezzjonijiet imsemmija fl-Att. Il-KESE jissuġġerixxi sett ta’ sitt miżuri li l-pajjiżi tal-UE għandhom jieħdu biex jiżguraw li dawn il-prinċipji jiġu rispettati fir-rigward tal-votazzjoni miċ-ċittadini kollha, inklużi l-persuni b’diżabilità.

Il-KESE jaħseb li l-UE tista’ tisfrutta l-esperjenzi pożittivi ta’ ħafna pajjiżi biex timplimenta s-soluzzjonijiet proposti.

“Jekk dawn ir-regoli kollha jiġu implimentati, l-elezzjonijiet tal-UE tal-2024 se jkunu verament universali u aċċessibbli għal kulħadd. Dan huwa l-għan tagħna. Dan jista’ jirrappreżenta era ġdida għad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità fl-Ewropa,” ikkonkluda s-Sur Pater.

Downloads

Voting rights of persons with disabilities: EESC demands a change in the EU electoral law