It-trasport ferrovjarju għad irid jagħmel progress politiku, regolatorju u kulturali, għalkemm 25 sena ta’ liberalizzazzjoni għamlu ħafna progress lejn il-ftuħ tas-swieq u lejn il-kisba ta’ armonizzazzjoni teknika. Dan huwa l-messaġġ ewlieni ta’ Opinjoni dwar Żona Ferrovjarja Unika Ewropea adottata fis-sessjoni plenarja tal-KESE ta’ Marzu.

Hemm bżonn ta’ analiżi imparzjali taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea u l-kisbiet tagħha u s-Sena Ewropea tal-Ferroviji 2021 tista’ tipprovdi opportunità eċċellenti sabiex jingħata rendikont tal-iżviluppi u jiġu stabbiliti għanijiet ġodda għall-futur, jenfasizza l-KESE.

Waqt li tkellem waqt id-dibattitu tal-plenarja, ir-relatur tal-Opinjoni, Stefan Back, qal: “Il-ferroviji jeħtieġu bidla fil-kultura u approċċ li huwa ħafna aktar iċċentrat fuq il-ħtiġijiet tal-konsumaturi, fir-rigward kemm tat-trasport tal-passiġġieri kif ukoll tat-trasport tal-merkanzija. Is-Sena Ewropea tal-Ferroviji 2021 għandha tintuża bħala opportunità biex tiġi promossa din il-bidla fl-imġiba u tiġi żviluppata kooperazzjoni aktar faċli bejn l-operaturi u l-konsumaturi u biex tiġi sfruttata d-diġitalizzazzjoni.”

Il-pandemija tal-COVID-19 waqqfet jew imblukkat il-proġetti, li issa jridu jitkomplew. L-għajnuna mill-Istat tibqa’ kruċjali biex tiżgura li s-servizzi essenzjali wara l-kriżi u l-kuntratti ta’ servizz pubbliku jistgħu jiggarantixxu servizzi għall-passiġġieri aċċessibbli, affordabbli u inklużivi għal kulħadd. Fil-fehma tal-KESE, din hija waħda mill-aktar miżuri effettivi u effiċjenti biex jiġi promoss it-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri. (mp)