Fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Marzu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ospita dibattitu ma’ Olivér Várhelyi, Kummissarju għall-Viċinat u t-Tkabbir, biex jiddiskuti s-sitwazzjoni attwali tal-adeżjoni tal-imsieħba tal-Balkani tal-Punent. Il-membri tal-KESE esprimew il-konvinzjoni li l-integrazzjoni tal-imsieħba tal-Balkani tal-Punent fl-UE hija investiment ġeostrateġiku fil-paċi u t-tkabbir ekonomiku.

Il-President tal-KESE, Christa Schweng, fetħet id-dibattitu billi saħqet li l-KESE jagħti importanza kbira lill-Balkani tal-Punent: “Il-Kumitat tagħna huwa tal-fehma li l-Balkani tal-Punent huma l-biċċa nieqsa li neħtieġu biex ngħaqqdu l-istampa kompluta fl-ambizzjoni tal-Unjoni Ewropea li toħloq Ewropa magħquda u sostenibbli, Ewropa adattata għall-futur,” qalet.

Óliver Várhelyi semma l-impatt li l-pandemija tal-COVID-19 kellha fuq il-Balkani tal-Punent u enfasizza li “l-Kummissjoni Ewropea kienet determinata li tkompli tappoġġja l-eqreb ġirien tagħna bil-mezzi kollha possibbli f’dawn iż-żminijiet diffiċli”. Is-Sur Várhelyi ppreżenta wkoll il-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent tal-Kummissjoni, inizjattiva ta’ EUR 9 biljun bil-għan doppju li tingħata spinta lill-irkupru ekonomiku u li tittejjeb il-konverġenza tar-reġjun mal-Unjoni Ewropea. “L-ambizzjoni tal-pjan hija li tingħata spinta mhux biss lill-iżvilupp ekonomiku, lir-reżiljenza u lill-kompetittività tar-reġjun, iżda wkoll lill-koeżjoni soċjali tiegħu. Jeħtieġ li naħdemu flimkien biex niksbu dan,” saħaq is-Sur Várhelyi.

Id-dibattitu kien segwit mill-adozzjoni ta’ Opinjoni dwar It-titjib tal-proċess tal-adeżjoniPerspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent. Ir-relatur tal-Opinjoni, Andrej Zorko, xeħet dawl fuq l-importanza tal-proċess tat-tkabbir: “L-integrazzjoni tal-imsieħba tal-Balkani tal-Punent fi ħdan l-UE tirrappreżenta investiment ġeostrateġiku fil-paċi, l-istabbiltà, is-sigurtà u t-tkabbir ekonomiku fil-kontinent kollu,” huwa qal. (dfg)