Minn Maria Nikolopoulou, membru tal-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE

Għadu jagħmel sens illum li niċċelebraw it-8 ta’ Marzu bħala l-Jum Internazzjonali tan-Nisa? Għaddew aktar minn 110 sena minn Clara Zetkin ipproponiet it-twaqqif ta’ Jum in-Nisa li Jaħdmu, u aktar minn 40 sena minn meta n-Nazzjonijiet Uniti ddikjaraw il-Jum Internazzjonali għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Paċi Internazzjonali. Is-soċjetajiet evolvew f’dan l-aħħar seklu.

In-nisa jistgħu jivvutaw, għandhom il-passaporti tagħhom stess, jistgħu jistudjaw, isiru Prim Ministri, imorru fuq il-qamar, jiddeċiedu jekk u meta jiżżewġu u/jew ikollhom/x tfal; in-nisa u l-irġiel huma ugwali quddiem il-liġi. Allura, x’inhu l-punt? Il-punt hu li, minkejja li fil-wiċċ kollox jidher sew, xorta għandna ostakli soċjali, kulturali u legali sottostanti li jimpedixxu lin-nisa milli jirnexxu.

Ħasra li xi nies ma jistgħux jaraw il-potenzjal tan-nisa u jimblukkaw l-aċċess tagħhom għal ċerti impjiegi jew pożizzjonijiet ta’ livell għoli. Huwa għalhekk li rridu naħdmu flimkien fuq l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 5 tan-NU dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri.

Huwa frustranti li n-nisa għadhom iġorru l-biċċa l-kbira tal-piż tal-kura tal-familja u tal-kompiti domestiċi għalkemm jaħdmu l-istess daqs is-sieħba tagħhom. Huwa għalhekk li aħna ġġilidna għal Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja.

Huwa assurd li n-nisa jaqilgħu inqas mill-irġiel għall-istess xogħol. Huwa għalhekk li nilqgħu l-idea ta’ Direttiva tal-UE dwar it-Trasparenza tal-Pagi.

Mhuwiex etiku li, minkejja l-fatt li aħna rrikonoxxejna waqt il-pandemija tal-COVID-19 li wħud mill-aktar kompiti essenzjali, bħat-tindif u l-kura tal-anzjani, twettqu minn nisa, ħafna minnhom migranti mingħajr dokumenti, huma għadhom jitħallsu pagi miżerament baxxi u xi drabi jaħdmu taħt kundizzjonijiet diżumani. Huwa għalhekk li għandna bżonn Direttiva tal-UE dwar il-Paga Minima Adegwata u l-pajjiżi għandhom jirratifikaw il-konvenzjoni C189 tal-ILO dwar il-ħaddiema domestiċi.

Mhuwiex aċċettabbli li xi nisa jintalbu "iħallsu" prezz intimu sabiex jiksbu promozzjoni fuq ix-xogħol, jew jiġu bbuljati sempliċement minħabba li xi nies għandhom bżonn jiżvugaw. Għaldaqstant huwa aktar urġenti minn qatt qabel li l-pajjiżi jirratifikaw il-konvenzjoni C190 tal-ILO dwar il-vjolenza u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol.

Huwa tal-għaġeb li n-nisa qed jinqatlu u jiġu stuprati kuljum u li hemm nies li jiġġustifikaw dan billi jgħidu li "hi stidnitha" jew "min jaf x'għamlet biex tipprovokah". Huwa għalhekk li rridu niġġieldu għal edukazzjoni robusta għall-iżgħar subien u bniet dwar l-ugwaljanza u r-rispett, sistemi ġudizzjarji b’aġilità u skemi soċjali biex nappoġġjaw nisa li huma vittmi ta’ vjolenza domestika.

Għadu importanti ħafna għan-nisa u l-irġiel femministi biex jieħdu pożizzjoni, jippromovu u jisħqu għal bidliet politiċi u kulturali sabiex jiksbu opportunitajiet indaqs effettivi għal kulħadd. Sakemm inkunu f’pożizzjoni li niċċelebraw il-“Jum Internazzjonali tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri”, ejjew nibqgħu nfakkru l-Jum Internazzjonali tan-Nisa.