European Economic
and Social Committee
L-aċċess għall-materja prima qed isir fundamentali biex it-tranżizzjoni doppja tirnexxi
Ir-rwol ewlieni tal-materja prima ġie diskuss f’ċertu dettal f’konferenza ta’ livell għoli ospitata mill-KESE fil-31 ta’ Jannar. Il-Konferenza ffokat speċifikament fuq żewġ aspetti ewlenin: ir-rwol essenzjali li għandha l-materja prima kritika biex tiġi żgurata l-awtonomija strateġika tal-UE fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u l-importanza taċ-ċirkolarità f’termini tal-ħtieġa li jinħoloq suq għall-materja prima sekondarja fl-Ewropa.
“Għall-biċċa l-kbira tal-materja prima, l-Ewropa tiddependi ħafna mill-bqija tad-dinja. L-Ewropa għandha tkun fit-tmexxija u turi li din l-industrija tista’ tkun sostenibbli f’termini ambjentali u umani,” qalet il-President tal-KESE Christa Schweng, li enfasizzat ukoll il-ħtieġa għal sħubijiet strateġiċi ma’ pajjiżi li jaħsbuha l-istess madwar id-dinja.
Thierry Breton, il-Kummissarju Ewropew għas-Suq Intern, indirizza l-konferenza permezz ta’ messaġġ bil-vidjo u qal, “Ser neħtieġu 60 darba aktar litju sal-2050 għall-batteriji elettriċi tal-vetturi. M’għandi l-ebda dubju li l-ekonomija ċirkolari se ssir il-modus operandi l-ġdid għall-materja prima. Din se tkun għodda kruċjali oħra għad-dispożizzjoni tagħna biex niżguraw is-sigurtà u r-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista tagħna. Il-KESE u l-Kummissjoni Ewropea huma tal-istess fehma”.
Agnès Pannier-Runacher, Segretarju tal-Istat Franċiż għall-Industrija, irrikonoxxiet il-materja prima kritika bħala kwistjoni ewlenija għall-awtonomija tal-Ewropa fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u diġitali bbażata fuq mudell ċirkolari. Filwaqt li l-awtonomija tal-enerġija tal-Ewropa hija waħda mill-prijoritajiet tal-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, kompliet tgħid li “ma nistgħux nippermettu li d-dipendenza tagħna mill-fjuwils fossili tinbidel f’dipendenza ġdida minn dawn il-metalli strateġiċi”.
Il-membri tal-bord qablu li l-Ewropa trid turi tmexxija globali f’dan il-qasam billi tgħolli l-istandards ambjentali, soċjali u ta’ governanza tagħha għal livelli mingħajr preċedent.
“Il-KESE huwa konxju bis-sħiħ tal-ħtieġa urġenti li nindirizzaw din il-kwistjoni. Il-KESE jemmen li l-azzjonijiet previsti mill-Kummissjoni Ewropea huma essenzjali jekk irridu nżommu u nsaħħu l-bażi industrijali tal-UE,” qal il-President tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali tal-KESE, Pietro Francesco De Lotto, li ppresjeda l-konferenza.
Bħala konklużjoni, l-istituzzjonijiet pubbliċi għandhom ikomplu jingħaqdu u jaġixxu, u s-soċjetà ċivili jeħtiġilha tkompli tinvolvi ruħha f’dan il-qasam.
Il-konferenza kienet parti mill-attivitajiet tal-KESE b’rabta mal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. (ks)