European Economic
and Social Committee
Il-KESE: L-UE għandha trażżan il-ksur tal-istat tad-dritt
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) għandu pożizzjoni iebsa fir-rigward tal-ksur tal-istat tad-dritt fl-UE, u jiddikjara li huwa impenjat li jiżgura li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea jimponu penali dissważivi għoljin fil-konfront ta' Stati Membri li sistematikament ma jirrispettawx l-istat tad-dritt b’mod li jpoġġi l-baġit tal-UE f'riskju.
Fl-Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar L-istat tad-dritt u l-fond ta' rkupru addottata fis-sessjoni plenarja tal-20 ta' Jannar, il-KESE laqa' r-Regolament tal-UE 2020/2092, li jippermetti lill-Kummissjoni timponi penali finanzjarji f'każ ta' nuqqasijiet sistematiċi fl-istat tad-dritt f'pajjiż partikolari tal-UE, u jappella sabiex ir-Regolament jiġi applikat strettament fl-oqsma kollha li huma rilevanti għall-baġit.
"L-istat tad-dritt huwa l-bażi indispensabbli għal soċjetà demokratika u pluraristika fl-Ewropa u għall-eżistenza kontinwa tal-UE", qal ir-relatur tal-Opinjoni, Christian Bäumler.
Sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet sistematiċi ta' konformità mal-istat tad-dritt, il-KESE jirrakkomanda li l-UE tuża l-mezzi l-oħra kollha ta' sanzjoni, bħall-proċedura ta' ksur prevista fl-Artikolu 263 tat-TFUE u l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7 tat-TUE.
Fil-fehma tal-KESE, jekk pajjiż tal-UE jikser sistematikament l-istat tad-dritt, dan dejjem jikkomprometti, jew tal-inqas jipperikola serjament, l-implimentazzjoni tal-programmi ffinanzjati mill-UE u huwa ta' detriment għall-baġit tal-UE. Għalhekk huwa essenzjali li l-benefiċjarji kollha tal-pagamenti mill-baġit tal-Unjoni jkunu konformi mar-regoli ta' trasparenza u jkunu jistgħu juru bis-sħiħ għal xiex qed jintużaw il-fondi.
Il-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza għandhom ukoll jispjegaw il-miżuri li l-gvernijiet rispettivi se jieħdu sabiex isaħħu l-istat tad-dritt.
Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-pjani nazzjonali ppreżentati s'issa jinkludu ftit wisq inizjattivi f'dan ir-rigward. Barra minn hekk, fil-valutazzjoni tagħha ta' dawn il-pjani, il-Kummissjoni ma tatx biżżejjed importanza għall-istat tad-dritt, li l-KESE jqis li huwa ta' dispjaċir.
Fl-Opinjoni, il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jingħaqdu mal-kooperazzjoni msaħħa tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, u jappella biex dan isir prerekwiżit għall-parteċipazzjoni fil-programmi ffinanzjati mill-UE. Din il-kooperazzjoni diġà qed tibda tagħti riżultati u x’aktarx tikkontribwixxi fit-tul għal titjib enormi fil-prosekuzzjoni kriminali transfruntiera. (ll)