Rapport reċenti tal-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi rivedut ir-Regolament ta’ Aarhus tal-UE u biex jittejjeb l-aċċess għal rieżami amministrattiv u ġudizjarju fi kwistjonijiet ambjentali għal individwi u NGOs, iżda jenfasizza li r-regolament aġġornat mhuwiex biżżejjed.

Minkejja li ilha mill-2005 parti għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus, l-Unjoni Ewropea għadha ma kkonformatx bis-sħiħ għad-dispożizzjonijiet tagħha dwar l-aċċess għall-ġustizzja.

Ir-regolament emendat propost mill-Kummissjoni huwa pass ’il quddiem u għodda essenzjali għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, qal il-KESE, li ġeneralment laqa’ b’sodisfazzjon l-emendi proposti f’rapport adottat f’Jannar.

Madankollu, ir-relatur Arnaud Schwartz, innota diversi lakuni fir-regolament il-ġdid li jistgħu jintużaw mill-istituzzjonijiet tal-UE sabiex jevitaw li jieħdu responsabbiltà.

Pereżempju, il-KESE ma japprovax il-proposta tal-Kummissjoni li jiġu esklużi l-atti tal-UE li jinvolvu “miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni”, peress li hemm possibbiltà reali li din l-esklużjoni tista’ tinvalida jew iddgħajjef is-siwi tar-regolament tal-Kummissjoni.

Barra minn hekk, il-KESE huwa mħasseb dwar ir-riforma tal-”mekkaniżmu ta’ rieżami intern”, li fir-Regolament ta’ Aarhus oriġinali ppermetta lill-NGOs ambjentali jisfidaw l-atti u l-omissjonijiet amministrattivi tal-UE. Jekk l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jitħallew iwettqu rieżami biss ladarba jkunu ġew adottati l-miżuri ta’ implimentazzjoni, dan jipprevjeni ħafna atti u omissjonijiet tal-UE, jekk mhux il-biċċa l-kbira minnhom, minn rieżami intern.

Il-KESE jappella wkoll lill-Kummissjoni biex tiffaċilta l-aċċess għall-ġustizzja għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha.

"L-imsieħba soċjali huma atturi ewlenin fi kwistjonijiet ambjentali, u għandhom ikunu rikonoxxuti b’mod espliċitu fir-rigward l-aċċess għall-ġustizzja,” enfasizzat Isabel Caño Aguilar, korelatur tal-KESE. “Biex ir-rieżami ġudizzjarju jkun aċċessibbli fil-prattika, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ma għandhomx iħabbtu wiċċhom ma’ piżijiet żejda, bħal spejjeż addizzjonali u miżuri burokratiċi," ikkonkludiet is-Sinjura Caño. (mr)