Fil-plenarja tiegħu ta’ Diċembru, il-KESE ddiskuta l-kwistjonijiet li jaffettwaw liż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol. Id-dibattitu ġab fi tmiemha s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 u nieda s-Sena Ewropea tal-Ħiliet 2023. Il-Kumitat kien favur strateġija fit-tul għall-involviment taż-żgħażagħ u rrakkomanda li s-Snin Ewropej imorru lil hinn minn sempliċi attivitajiet promozzjonali u jipproduċu pjani ċari.

Fid-dinja ta’ wara l-COVID-19, hemm enfasi ġdida fuq il-ħtiġijiet li qed jinbidlu tas-suq tax-xogħol, bl-opportunitajiet u r-riskji kollha li jġibu magħhom, enfasizzat il-President tal-KESE Christa Schweng li fetħet id-dibattitu. “Bħala parti mis-Sena Ewropea tal-Ħiliet, il-KESE ser ikompli jiffoka fuq il-ħtiġijiet taż-żgħażagħ tagħna u l-isfidi li qed jiffaċċjaw fid-dinja tagħna li qed tinbidel malajr.”

Nicolas Schmit, il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali, spjega l-viżjoni tiegħu għall-Ewropa: “Prospetti aħjar għaż-żgħażagħ, inkluż li nieħdu ħsieb is-sigurtà tagħhom u li nwieġbu għall-aspirazzjonijiet tagħhom għal impjiegi sinifikanti u ħajja soċjali mimlija u inklużiva.”

F’riżoluzzjoni adottata fl-istess plenarja, il-KESE appella wkoll lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-gvernijiet nazzjonali biex isaħħu l-involviment taż-żgħażagħ fit-teħid tad-deċiżjonijiet u jimplimentaw it-Test taż-Żgħażagħ tal-UE li ppropona. Katrĩna Leitāne, il-president tal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-KESE għas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ qalet li huwa importanti li jiġi garantit “wirt tanġibbli u dejjiemi għas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ u li jiġi żgurat li ż-żgħażagħ ikollhom sehem fid-deċiżjonijiet li jaffettwaw il-futur tagħhom.”

Il-Kumitat qed iħares ’il quddiem lejn l-2023 u ħareġ Opinjoni dwar is-Sena Ewropea tal-Ħiliet, fejn jesprimi tħassib dwar l-aġenda mimljia wisq u l-għadd kbir ta’ prijoritajiet tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet. Ir-relatur, Tatjana Babrauskienė, qalet li “l-attivitajiet kollha mwettqa bħala parti mis-Sena Ewropea tal-Ħiliet 2023 iridu jkunu mmirati lejn l-aħjar progress possibbli fl-oqsma kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, b’ħiliet soċjali u trasversali fost il-“ħiliet it-tajba” li għandhom jiġu promossi.”

L-Opinjoni ħeġġet ukoll lill-Kummissjoni biex tiżgura li r-refuġjati u dawk li jfittxu l-ażil ikunu jistgħu jivvalidaw il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom fl-UE u jiġu offruti opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid tal-ħiliet biex jiffaċilitaw il-progress tagħhom fis-suq tax-xogħol. “Trid tingħata kunsiderazzjoni speċjali lill-ħbieb Ukreni tagħna. Irridu nrawmu ġenerazzjoni żagħżugħa Ukrena b’saħħitha u mhux noħolqu ġenerazzjoni ġdida mitlufa fl-Ukrajna, kif jittama r-reġim Russu”, ikkonkluda l-Kummissarju Schmit. (gb)