Il-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili UE-Moldova

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova ġie ffirmat fis-27 ta’ Ġunju 2014 u daħal fis-seħħ bis-sħiħ fl-1 ta’ Lulju 2016.

Id-dispożizzjonijiet istituzzjonali, ġenerali u finali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tal-UE mal-Moldova (Artikolu 442) jistipulaw l-istabbiliment ta’ Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili bil-kompitu li tippromovi laqgħat regolari ta’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili taż-żewġ partijiet, “sabiex iżommuhom infurmati, u jiġbru l-kontribut tagħhom dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim”. B’hekk il-Pjattaforma tikkomplementa l-korpi politiċi eżistenti fil-qafas tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova u tippermetti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili miż-żewġ naħat jissorveljaw il-proċess ta’ implimentazzjoni mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili u jippreparaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom lill-awtoritajiet rilevanti.

Is-sħubija fil-Pjattaforma hija stipulata fl-Artikolu 442: “Din tikkonsisti minn rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, min- naħa tal-UE, inklużi membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u minn rappreżentanti tas-soċjetà ċivili min- naħa tar-Repubblika tal-Moldova (...).”

Il-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili UE-Moldova ġiet stabbilita fl-10 ta’ Mejju 2016 u għandha membri fuq kull naħa. Min-naħa tal-UE, tinkludi membri tal-KESE u membri minn networks Ewropej tas-soċjetà ċivili ( BusinessEurope, Forum Ewropew għas‑Servizzi, Konfederazzjoni tat-Trade Unions Internazzjonali, EPSU, Euro Coop, Forum Ewropew dwar id-Diżabbiltà u l-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant).

Il-Pjattaforma tista’ tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni (fil-livell ministerjali); barra minn hekk, il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni (fil-livell tal-impjegati taċ-ċivil f’kariga għolja) u l-Kumitat Parlamentari ta’ Assoċjazzjoni huma obbligati jorganizzaw kuntatti regolari mar-rappreżentanti sabiex jiksbu l-fehmiet tagħhom rigward it-tilħiq tal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (Artikolu 443).