Minn Sandra Parthie

Tfixkil, tranżizzjoni, trasformazzjoni, tibdil strutturali – m’hemmx dubju li qed ngħixu fi “żmien interessanti”. Illum l-Ewropej qed iħabbtu wiċċhom ma’ diversi megatendenzi b’mod simultanju – it-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li niksbu ekonomiji dekarbonizzati; id-diġitalizzazzjoni u l-ħtieġa li norganizzaw mill-ġdid il-postijiet tax-xogħol; id-deglobalizzazzjoni u l-ħtieġa li nibqgħu ekonomikament rilevanti.

Fis-settur industrijali, il-kompetizzjoni qed issir dejjem aktar ħarxa u dejjem aktar globali. Għal xi żmien l-Ewropej kienu meqjusin bħala l-produtturi globali tar-regoli, li kienu fuq quddiem nett fl-iżviluppi teknoloġiċi u li kienu qed jibbenefikaw minn livell dejjem akbar ta’ benesseri soċjali u ekonomiku. Madankollu, dawn iċ-“ċertezzi” kollha issa jinsabu mhedda. L-Ewropa tinsab f’riskju li ssir it-tielet rota tal-ordni globali l-ġdid iddominat miċ-Ċina u mill-Istati Uniti.

“Xi jfisser dan?” jistgħu jistaqsu xi wħud. Ir-raġuni għaliex dan huwa importanti ħafna ġejja mill-fatt li l-Ewropa m’għandhiex riżorsi naturali proprji u għal sekli sħaħ ibbażat il-prosperità ekonomika u l-benesseri soċjali tagħha fuq il-kummerċ internazzjonali u fuq l-aċċess għar-riżorsi u l-użu tagħhom, mill-fidda sal-ħwawar, miż-żejt sal-gass. Ħafna drabi iddominat l-imsieħba kummerċjali tagħha u sawret regoli u normi kummerċjali fl-interessi tagħha. Kienet kapaċi tagħmel dan minħabba li kellha s-saħħa fis-suq, kienet kompetittiva u innovattiva.

Issa, is-sitwazzjoni qed tinbidel. Għalkemm l-UE qed taħdem biex tlesti s-suq uniku tagħha, għad baqa’ ħafna ostakli interni u bosta interessi nazzjonali qed ixekklu l-proċess. U filwaqt li l-Istati Membri qed jargumentaw dwar dettalji regolatorji, is-saħħa ġenerali tas-suq tal-UE qed tiddgħajjef, speċjalment b’paragun mal-Asja. Huwa mbassar li sal-2030 aktar minn 85 % tat-tkabbir ekonomiku se jseħħ barra mill-UE. Dan ifisser li fis-swieq, u skont ir-regoli u n-normi msawra minn oħrajn, il-valuri Ewropej – mill-protezzjoni soċjali sad-drittijiet tal-ħaddiema, id-djalogu soċjali, l-istandards tax-xogħol u dawk ambjentali – ma jaqdu l-ebda rwol. Dan ifisser ukoll li l-aċċess għar-riżorsi tant meħtieġa qed isir aktar diffiċli għan-negozji u l-intraprendituri Ewropej. Mhux biss minħabba d-domanda globali li twassal għal żieda fil-kompetizzjoni għal dawn ir-riżorsi, iżda wkoll minħabba l-fatt li qed jiżdiedu wkoll il-protezzjoniżmu u l-azzjonijiet ta’ koerċizzjoni jew ta’ ritaljazzjoni kontra pajjiżi, kumpaniji u ekonomiji. Dawn l-iżviluppi kollha jaffettwaw l-aċċess għar-riżorsi, bħall-materjali tal-art rari u l-materja prima, li l-industrija tal-manifattura tagħna teħtieġ biex tiffunzjona u tipprovdi impjiegi ta’ kwalità għolja.

Is-sejħa għal “awtonomija” strateġika mhux se ssolvi din il-kwistjoni. Jekk insiru protezzjonisti u nimmiraw għal awtodipendenza ekonomika se nidħlu fi sqaq. L-Ewropa ma tistax tkun awtonoma, minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi tagħha. Għandha tkompli tiġġieled għal sistema kummerċjali internazzjonali li tiffunzjona.

Iżda teħtieġ strateġija dwar kif għandha tindirizzata din is-sitwazzjoni. Jeħtieġ li l-Ewropa tnaqqas id-dipendenzi unilaterali tagħha kull fejn possibbli, tibdel ix-xejriet tal-konsum u tal-produzzjoni li jagħmlu użu intensiv mir-riżorsi, iżżid il-kapaċitajiet tagħha tal-ipproċessar, tiżviluppa u tinvesti fil-faċilitajiet ta’ produzzjoni f’setturi orjentati lejn il-futur, speċjalment fir-rigward ta’ oġġetti ta’ valur għoli fejn huwa essenzjali li jinżamm il-potenzjal teknoloġiku u innovattiv tal-UE.

Għalhekk huwa bir-raġun li s-sostenibbiltà u n-newtralità klimatika qed isiru l-prinċipji gwida għall-attivitajiet ekonomiċi tagħna. Fattur ewlieni li jinfluwenza l-kompetittività tal-Ewropa huwa l-enerġija – il-mod kif tiġi prodotta u kemm tiswa. Iż-żieda reċenti fil-prezzijiet tal-enerġija bħalissa tinsab fuq nett tal-aġenda u hija ta’ uġigħ ta’ ras kemm għall-familji, kif ukoll għall-industrija u l-politiċi. Din ukoll għandha storja ta’ implikazzjonijiet ġeopolitiċi inkwetanti. L-Ewropa għadha tiddependi ħafna fuq produtturi esterni għall-provvista tagħha tal-enerġija. It-tibdil ta’ dan jaffettwa b’mod pożittiv l-ekonomiji tagħna fuq diversi livelli: l-investiment f’aktar enerġiji rinnovabbli u provvista deċentralizzata tal-enerġija jagħti spinta lill-manifatturi Ewropej, inaqqas l-emissjonijiet tas-CO2, inaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili bi prezzijiet volatili, u jnaqqas il-prezzijiet tal-enerġija fuq perjodu twil. Għalhekk dan huwa prijorità politika għall-Ewropa.

Madankollu, fl-istess ħin, l-UE mhijiex blokk monolitiku. Għalhekk, il-kapaċitajiet għall-adattament għal dawn il-ħtiġijiet ġodda u għall-indirizzar tal-elementi fixkiela jvarjaw ħafna bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri. It-tranżizzjoni teħtieġ investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni, fl-infrastruttura, fl-attrazzjoni għan-negozji, f’kundizzjonijiet favorevoli għall-produzzjoni u l-manifattura għall-kumpaniji, fit-teknoloġiji u l-materjali ġodda. Iżda wkoll fil-miżuri ta’ appoġġ għall-ħaddiema u l-impjegati f’setturi milquta minn bidla strutturali, fl-edukazzjoni, fit-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid.

Mhux l-Istati Membri kollha huma mgħammra bl-istess mod biex jindirizzaw dawn it-talbiet. Barra minn hekk, il-pandemija aggravat l-inugwaljanzi bejn l-Istati Membri, u l-gvernijiet sabu ruħhom b’listi ta’ prijorità jew listi ta’ kompiti differenti ħafna minn xulxin. Iżda dawn id-differenzi ma għandhomx jostakolaw il-viżjoni tal-mexxejja politiċi – it-tibdil fil-klima mhux se jistenna l-elezzjoni li jmiss, il-finanzi għall-investimenti diġitali u ekoloġiċi huma disponibbli, u t-titjib tal-kapaċitajiet u l-governanza tajba tal-amministrazzjonijiet pubbliċi ma jeħtieġx formula maġika, iżda huwa kwistjoni ta’ rieda politika. Iċ-ċittadini huma konxji mill-bidla strutturali li għaddejja bħalissa. Biex niksbu l-appoġġ tagħhom fl-azzjoni politika biex nindirizzawha se jinvolvi attivitajiet wesgħin ta’ konsultazzjoni u komunikazzjoni, speċjalment mal-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

Sandra Parthie hija d-direttur tal-uffiċċju ta’ Brussell tal-Istitut Ekonomiku Ġermaniż Hija membru tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u relatur għall-Opinjoni “L-ekosistemi industrijali identifikati kif se jikkontribwixxu għall-awtonomija strateġika tal-UE u għall-benessri taċ-ċittadini tagħha?”