European Economic
and Social Committee
Il-gwerra fl-Ukrajna u l-impatt ekonomiku u soċjali tagħha
Bis-summit tal-Kunsill Ewropew fl-isfond, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew illum adotta riżoluzzjoni dwar “Il-gwerra fl-Ukrajna u l-impatt ekonomiku u soċjali tagħha”. Il-membri esprimew is-solidarjetà tagħhom mal-Ukrajna u enfasizzaw ir-rwol tas-soċjetà ċivili fl-assistenza tal-poplu Ukren u r-refuġjati.
Fil-ftuħ tad-dibattitu, il-President Christa Schweng enfasizzat: Din l-invażjoni thedded is-sigurtà u l-valuri tagħna, u l-UE ġustament u bil-qawwa tappoġġja lill-Ukrajna, u twieġeb f’unità u solidarjetà
u żiedet tgħid Is-soċjetà ċivili organizzata tal-UE hija waħda mill-elementi fundamentali tad-demokrazija tagħna: tinsab fuq quddiem nett fl-indirizzar tal-konsegwenzi umanitarji, ekonomiċi u soċjali tal-gwerra, u qed turi d-determinazzjoni tagħha li tgħin lin-nies Ukreni jiġġieldu għall-valuri Ewropej. Aħna nsawru s-solidarjetà tagħna f’azzjoni u l-appoġġ tagħna lill-Ukrajna mhux se jċedi.
Il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni Ylva Johansson, enfasizzat ir-rwol estremament importanti tal-KESE li juża l-għarfien tiegħu fuq il-post, peress li l-Ewropa s’issa laqgħet 3,5 miljun refuġjat Ukren, li minnhom, 1,8 miljun huma tfal. Is-solidarjetà bla preċedent mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, iċ-ċittadini u l-awtoritajiet fir-rigward tan-nies li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna kienet notevoli, u tagħmilna lkoll kburin li aħna Ewropej. Naħdmu l-aħjar meta naħdmu flimkien” qalet is-Sinjura Johansson u insistiet li “Putin qed jattakka l-valuri ewlenin tagħna u l-Ukrajna qed tiddefendihom. Jeħtieġu l-appoġġ tagħna.
Il-Presidenti tat-tliet Gruppi, li huma r-relaturi tar-riżoluzzjoni, enfasizzaw l-isfidi kruċjali li qed tiffaċċja l-Ewropa bħala konsegwenza tal-gwerra u appellaw lill-mexxejja tal-UE biex jieħdu azzjoni, speċjalment dwar il-politika tal-migrazzjoni, l-inflazzjoni, iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, dwar it-twettiq ta’ sistema tal-ikel sostenibbli, dwar it-tnaqqis tad-dipendenzi u dwar il-bini tal-awtonomija strateġika u teknoloġika tal-Ewropa.
Stefano Mallia, il-President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE qal, Nilqgħu fir-riżoluzzjoni tagħna l-azzjonijiet umanitarji li ttieħdu s’issa, iżda nħeġġu wkoll lill-Istati Membri biex jagħmlu aktar sabiex jgħinu lill-Ukrajna, li tinsab fuq il-front fil-ġlieda għad-demokrazija. Fl-2013, fil-pjazza ta’ Maidan, l-Ukreni kienu qed iħarsu lejn l-Ewropa għall-ispirazzjoni, illum hija l-Ewropa li qed tħares lejn l-Ukrajna għall-ispirazzjoni.
Oliver Röpke, il-President tal-Grupp tal-Ħaddiema enfasizza, Wieħed mill-messaġġi ewlenin tiegħi huwa li l-komunità internazzjonali u l-Ewropa jridu jibqgħu magħqudin f’din is-sitwazzjoni. It-tentattivi kollha ta’ Putin biex joħloq il-firdiet fostna, fost l-Istati Membri, iridu jfallu. Fi gwerra bħal din, il-kumitat tagħna għandu primarjament jisħaq għal approċċ umanitarju, għal appoġġ għas-soċjetà ċivili, għal soluzzjoni nnegozjata, anke jekk dan qajla jidher realistiku bħalissa.
Séamus Boland, il-President tal-Grupp Diversity Europe qal ukoll, L-invażjoni Russa tal-Ukrajna tirrappreżenta l-akbar aggressjoni u l-aktar waħda vjolenti mhux ipprovokata fuq il-kontinent Ewropew mill-1939 u rridu nqumu kontriha. Irridu niddenunzjaw lil Putin u rridu f’kull ħin infittxu l-paċi.
Rappreżentanti mis-soċjetà ċivili Ukrena u Russa kellhom impatt emozzjonali qawwi għad-dibattitu permezz tal-esperjenzi tagħhom tal-gwerra.
Il-fundatur tal-moviment Open Russia, Mikhail Khodorkovsky indika l-konsegwenzi diżastrużi mid-diżinformazzjoni. Ingħaqadna bħala kumitat kontra l-gwerra. Aħna lkoll motivati mill-istess xewqa li nwasslu l-informazzjoni liċ-ċittadini Russi.
Li nippruvaw niġġieldu d-diżinformazzjoni hija l-prerogattiva tagħna, anke lil hinn mir-Russja.
Il-President tal-Kunsill Nazzjonali Tripartitiku Soċjali u Ekonomiku tal-Ukrajna, Anatoliy Kinakh, b’ton emozzjonali sejjaħ din it-traġedja delitt kontra
ċ-ċivilizzazzjoni, mhux biss aggressjoni militari. Huwa qal, Se jkollna nibnu mill-ġdid l-Ukrajna, l-industrija tagħna u l-ekonomija tagħna. Diġà qed naħdmu fuq dan u aħna grati ħafna lejn l-imsieħba Ewropej tagħna talli nedew tip ta’ Pjan Marshall għall-Ukrajna.
Alexander Shubin, il-President tal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili tal-Ukrajna talab li l-Ewropa tkompli tappoġġja lill-Ukrajna u l-aspirazzjonijiet tagħha li tkun parti mill-familja Ewropea.
Gennadiy Chyzhykov, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija tal-Ukrajna, talab lil min iħaddem u lill-organizzazzjonijiet tan-negozju Ewropej biex jappoġġjaw lill-kumpaniji Ukreni.
Fl-aħħar nett, is-Sinjura Yevgenya Pavlova mill-Assemblea Nazzjonali tal-Persuni b’Diżabilità tal-Ukrajna, fakkret biex ma tintesiex il-popolazzjoni Ukrena b’diżabilità li hija estremament vulnerabbli u teħtieġ attenzjoni speċjali.
Work organisation
Downloads
-
War in Ukraine and its economic, social and environmental impact