European Economic
and Social Committee
Zsolt Kükedi, membru tal-KESE, l-Ungerija
Is-Sur Kükedi jitkellem magħna dwar l-impenn tiegħu biex jgħin lill-Ukreni fl-Ukrajna u fl-Ungerija
Bħala delegat għal organizzazzjoni ambjentali, nagħraf li hemm ftit x’wieħed jista’ jagħmel għalissa, peress li din is-sitwazzjoni ma twassalx għal konsiderazzjonijiet ambjentali. Min-naħa l-oħra, anke l-aktar ġest sempliċi ta’ interess, kompassjoni u offerta ta’ ftit għajnuna huma importanti għal dawk li qed jospitaw lir-refuġjati. Matul il-ħidma ta’ żvilupp reġjonali tiegħi, sirt naf ħafna sindki lokali, mexxejja ta’ kontea li mill-ewwel u bla heda offrew id-djar tal-komunità u ż-żoni komuni tagħhom lir-refuġjati wara li bdiet il-gwerra. Kien hemm komunità ta’ ftit inqas minn 700 persuna li ospitat aktar minn mitt ruħ. Ipprovdewlhom ikel, saqaf fuq rashom u ħaslulhom ħwejġhom. Eżatt wara li faqqgħet il-gwerra, meta mort lura d-dar mis-sessjoni plenarja tal-KESE, ktibt lit-18-il membru tal-gvern lokali, sindki u mexxejja ta’ kontea fil-Lvant tal-Ungerija fejn staqsejt dwar minn xiex kienu għaddejjin u kif nistgħu nkunu ta’ għajnuna minn Budapest. Lanqas ma kelli pjan li mmur mill-ewwel lejn il-fruntiera, peress li fl-ewwel jiem, il-voluntiera entużjasti jkollhom jindirizzaw kwistjonijiet organizzattivi fil-ħidma umanitarja.
Disgħa mit-18-il persuna li kkuntattjajt weġbuni. X’aktarx li l-oħrajn ma kellhomx żmien jaqraw jew iwieġbu l-emails, li huwa għalkollox komprensibbli f’din is-sitwazzjoni. Dawk li wieġbu, madankollu, qalu li l-ittra tiegħi kienet ta’ serħan il-moħħ għalihom. Fil-verità lanqas biss offrejt għajnuna konkreta, iżda l-fatt biss li huma jafu li qegħdin fi ħsibijietna u li għarrfu li setgħu jirrikorru lejna, kien ta’ sapport. Xi ħadd talab il-flus għax kien hemm bżonn li jinxtraw kutri u deterġenti. Persuna oħra rreferietni għal fejn kienu qed jinġabru d-donazzjonijiet. Iżda b’mod ġenerali, huma wiegħdu li jikkuntattjawni jekk tistabbilizza s-sitwazzjoni, u ma jkunux jifilħu jġorru l-piż finanzjarju jew personali.
Waqt li qed nikteb dawn il-linji, naf li daqt se nerġa’ nkun f’dari u li se nerġa’ nikteb lil dawk id-disa’ li wieġbu biex nistaqsi dwar is-sitwazzjoni attwali u x’jeħtieġu. Iddiskutejna wkoll kemm kien għadda żmien mill-aħħar darba li ltqajna, u għalkemm din is-sitwazzjoni ta’ swied il-qalb reġgħet laqqgħatna flimkien, għandna nsibu ħin biex niltaqgħu fiżikament. M’hemm xejn aktar importanti milli jkollok ħbieb li tista’ tafda fuqhom.
Tajna l-għajnuna tagħna b’mod differenti: ġbarna provvisti mediċi u bgħatnihom lil dawk fil-bżonn li ma setgħux jiksbuhom f’din is-sitwazzjoni. Ħafna nies ma jistgħux jaqdu l-ħtiġijiet ta’ ġisimhom b’mod naturali minħabba xi difett jew marda li taffettwa xi partijiet tas-sistema diġestiva jew tal-kanal tal-awrina. Din hija kundizzjoni terribbli. L-iskart tal-ġisem jitneħħa permezz ta’ stoma f’post speċifiku fil-ħajt addominali. Ipprovdejna boroż tal-istoma mill-post tax-xogħol ta’ marti, peress li pazjent jeħtieġ borża kuljum u mbagħad ikollu jarmiha għal raġunijiet ta’ iġjene. Min-naħa l-oħra, persuna ma tistax tgħix mingħajrha għal ġurnata, għaliex mingħajrha tgħix biss f’kundizzjonijiet inumani. It-trasport ta’ din il-borża vitali kien sorprendenti. Madankollu, ħajjietna huma kumplessi biżżejjed biex ngħarrfu li f’sitwazzjoni bħal din, kellna wkoll nagħmlu donazzjonijiet mhux tas-soltu.
Fuq talba tal-KESE, fil-laqgħat tas-sezzjoni tagħna ddiskutejna l-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna u l-impatt tagħha fuq il-KESE. Fis-Sezzjoni TEN, ġejt mitlub nistieden kelliem mill-kamp tal-battalja, kif ukoll espert nukleari, biex nifhmu t-theddida fuq l-impjanti tal-enerġija nukleari Ukreni. Peress li għandi ħafna konoxxenzi personali fl-Ukrajna minħabba x-xogħol tiegħi fis-settur tal-iżvilupp, irnexxieli nikkuntattja lil Serhii Prokopenko, żagħżugħ minn Kharkiv, speċjalista tal-innovazzjoni u l-intraprenditorija, konsulent u riċerkatur ekonomiku ġdid li kien kapaċi jippreżentalna s-sitwazzjoni tal-gwerra. Huwa rrapporta direttament mill-kamp tal-battalja minn bunker f’Kharkiv minħabba li ż-żona li kien fiha kienet ġiet ibbumbardjata ftit qabel il-kollegament. F’ċertu punt, minħabba qtugħ fil-konnessjoni tal-internet, huwa kellu jalterna mal-espert nukleari Ungeriż, li kien mistieden biex jitkellem warajh. Dr Zsolt Hetesi, Riċerkatur Prinċipali fl-Università Nazzjonali tal-Amministrazzjoni Pubblika, ilu involut fir-riċerka dwar l-ambjent, l-enerġija u s-sostenibbiltà mill-2005. Preċedentement, bħala wieħed mill-mexxejja tal-Grupp tar-Riċerka dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u r-Riżorsi, huwa tkellem ħafna dwar il-kriżi li tirriżulta mill-popolazzjoni żejda u l-konsum eċċessiv tar-riżorsi. Bħala espert dwar l-eżawriment tar-riżorsi, huwa ppreżenta s-sitwazzjoni, il-vulnerabbiltà u ċ-ċans ta’ diżastru nukleari potenzjali fi kwalunkwe wieħed mill-erba’ impjanti tal-enerġija nukleari fl-Ukrajna. Huwa pprova jserraħ moħħ l-udjenza li għalissa, id-dinja ma tidhirx li tinsab f’periklu immedjat minn dawn l-impjanti tal-enerġija nukleari. Din il-preżentazzjoni kienet segwita minn Serhii, u waqt li kien qed jitkellem stajna nħossu r-realtà tal-gwerra. Huwa rċieva applaws kbir. Is-Sezzjoni TEN esprimiet solidarjetà miegħu, u sussegwentement kien diffiċli għalina li niffokaw fuq il-ħidma tas-Sezzjoni TEN.
Inqis li din ukoll hija missjoni umanitarja: li nżommu kuntatt man-nies li huma iżolati minħabba l-gwerra u li nitbiegħdu mis-sens ta’ sigurtà li għandna sabiex nifhmu l-qawwa tar-realtà li tista’ tolqotna u sabiex nifhmu li għandna noffru l-għajnuna tagħna, anke jekk mill-bogħod.
Bħala Kristjan nuri empatija ma’ dawk kollha li qed isofru jew mietu f’din il-gwerra. Bħala ambjentalista li naħdem fil-qasam tal-eżawriment tar-riżorsi, nifhem li jeħtieġ li nikkondividu dejjem aktar ir-riżorsi tagħna li qed jonqsu. Hawnhekk fi Brussell, spiss nagħti ewro jew tnejn lil persuni mingħajr dar li jgħixu fil-metro jew fit-triq. U meta mmur lura f’dari, nistaqsi kif nista’ ngħin lil dawk li kontinwament huma ta’ servizz għal ħaddieħor, u anke lil dawk li jinsabu f’sitwazzjoni fejn jeħtieġu għajnuna.
Zsolt Kükedi, membru tal-KESE, l-Ungerija