Minn Antoine Fobe

L-elezzjonijiet Ewropej għoddhom magħna u aħna – l-Unjoni Ewropea tal-Għomja (EBU) – inħeġġu lis-segwaċi tagħna jivvutaw, minkejja d-diffikultajiet persistenti, u waqt li jivvutaw iżommu f’moħħhom l-importanza li l-kandidati u l-partiti jagħtu lill-inklużjoni f’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. Jeħtieġ li nagħtu widen għall-aspettattivi taċ-ċittadini neqsin mid-dawl.

L-Unjoni Ewropea tal-Għomja (EBU) hija l-vuċi tal-persuni neqsin mid-dawl u dawk b’vista ferm ridotta fl-Ewropa u aħna naħdmu lejn soċjetà aċċessibbli u inklużiva b’opportunitajiet indaqs għall-persuni neqsin mid-dawl biex jipparteċipaw bis-sħiħ fl-aspetti kollha tal-ħajja. Naturalment, il-parteċipazzjoni politika hija aspett essenzjali, peress li tippermetti liċ-ċittadini neqsin mid-dawl jippromovu politiki u leġiżlazzjoni favur id-diżabilità permezz tal-vot u l-azzjoni politika tagħhom.

Hekk kif qed noqorbu lejn l-elezzjonijiet tal-PE tal-2024, il-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità kemm bħala votanti kif ukoll bħala kandidati hija suġġett importanti u f’waqtu.

Skont ir-rapport tal-2019 tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), madwar 400 000 persuna b’diżabilità ġew imċaħħda mid-dritt tal-vot fl-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (PE). Barra minn hekk, il-membri tal-PE li għandhom diżabilità huma inqas minn 5 %.

Għall-elezzjonijiet li ġejjin, u bħala l-ewwel punt fid-dikjarazzjoni tagħha dwar l-elezzjonijiet tal-PE, l-EBU qed terġa’ titlob li jiġi stabbilit standard dwar l-aċċessibbiltà tal-votazzjoni (proċeduri tal-votazzjoni), tal-informazzjoni elettorali (faċilitajiet u materjal tal-kampanja elettorali, dibattiti politiċi, programmi tal-partiti politiċi u siti web) u tal-proċeduri ta’ wara l-elezzjoni (eż. mekkaniżmi tal-ilmenti), kif ukoll l-ugwaljanza fid-dritt tal-kandidatura.

Aħna niffukaw fuq l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew minħabba li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza biss fl-elezzjonijiet Ewropej, bħala element taċ-ċittadinanza tal-UE u biex tiżgura drittijiet ugwali għall-persuni b’diżabilità fi ħdan l-UE. Madankollu, peress li l-organizzazzjonijiet tal-elezzjonijiet tibqa’ l-kompetenza tal-Istati Membri, l-aħjar prattiki fil-livell tal-UE awtomatikament ikollhom effett konsegwenzjali fuq l-elezzjonijiet l-oħra kollha.

Sfortunatament, din id-darba huwa tard wisq biex l-elezzjonijiet tal-PE jittieħdu bħala eżempju. U dan mhux minħabba nuqqas ta’ interess mill-PE nnifsu, għall-kuntrarju: f’Mejju 2022, huwa ppropona riforma tal-liġi elettorali tal-UE, li tiffoka b’mod partikolari fuq il-garanzija tad-dritt għall-persuni b’diżabilità li jivvutaw b’mod indipendenti u sigriet, l-għażla libera tal-assistenza, u l-aċċessibbiltà tal-vot bil-posta u l-kampanji politiċi. Sfortunatament, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sa issa naqas milli jwieġeb. 

Għall-5 snin li ġejjin tal-leġiżlatura tal-UE, l-EBU qed titlob lill-PE l-ġdid biex ikompli jagħmel pressjoni fuq il-Kunsill biex jadotta r-riforma proposta u jikseb progress tanġibbli għall-elezzjonijiet tal-2029. Nistgħu nserrħu fuq l-appoġġ tal-KESE li, fl-2020, diġà kien appella għal inizjattiva leġiżlattiva formali tal-PE biex jiġu ggarantiti drittijiet reali għall-persuni b’diżabilità biex jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-PE. Nistgħu nserrħu wkoll fuq l-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea li, f’Diċembru li għadda, ippubblikat “Gwida ta’ prassi elettorali tajba” u issa qed taħdem fuq kompendju dwar il-prattiki tal-votazzjoni elettronika u l-użu tal-ICT fl-elezzjonijiet, li t-tnejn li huma jindirizzaw l-aspetti tal-aċċessibbiltà.