European Economic
and Social Committee
Negħlbu l-kanċer billi negħlbu d-dipendenzi strateġiċi tal-UE
Minn Alena Mastantuono
Kull sena, aktar minn 10 miljun pazjent fl-Ewropa jibbenefikaw minn mediċina nukleari permezz tad-dijanjożi u t-trattament ta’ mard bħall-kanċer, iżda wkoll ta’ kundizzjonijiet kardjovaskulari u newrovaskulari.
It-teknoloġiji radjoloġiċi u nukleari li jużaw l-isotopi radjuattivi huma essenzjali fil-ġlieda kontra l-kanċer fl-istadji kollha tal-kura, fid-detezzjoni bikrija, fid-dijanjożi, fit-trattament u fil-kura palljativa.
L-għadd ta’ pazjenti li jibbenefikaw mill-mediċina nukleari qed jikber, prinċipalment minħabba l-iskoperti xjentifiċi. Ir-riċerkaturi u n-negozji Ewropej żviluppaw uħud mill-aħħar terapiji innovattivi tal-kanċer bir-radjoligands, bħall-farmaċewtiċi mmirati lejn tumur tal-kanċer endokrinali u tal-prostata u metastażi mifruxa. Pereżempju, l-Lutezju-177 huwa isotopu radjoattiv promettenti ħafna għall-kura tal-kanċer tal-prostata, li huwa responsabbli għal 90 000 mewta fl-Ewropa kull sena. Meta mqabbel mat-trattamenti tradizzjonali, it-terapija moderna tar-radjonuklidi toffri mmirar tajjeb taċ-ċelloli tal-kanċer u ħafna drabi tagħmel inqas ħsara lill-ġisem. Għexieren ta’ eluf ta’ pazjenti jiddependu fuq it-terapija bir-radjonuklidi mmirata, li ħafna drabi tkun l-unika kura disponibbli.
Madankollu, qabel ma tasal għand il-pazjent, il-katina tal-provvista tal-mediċina nukleari hija kumplessa ħafna. Hija tinkludi l-provvista ta’ materjali sors u l-ħżin, l-irradjazzjoni, l-ipproċessar, il-loġistika u l-applikazzjoni tagħhom. Ladarba jiġu prodotti l-isotopi radjuattivi, dawn iridu jiġu proċessati, trasportati u użati f’perjodu ta’ żmien relattivament qasir, xi wħud fl-istess ġurnata, oħrajn f’anqas minn ftit jiem, skont in-nofs ħajja tagħhom. Dawn jitħassru faċilment u malajr.
Huwa sorprendenti li dawn il-karatteristiċi mhumiex riflessi fit-trasport transfruntier u fil-proċeduri doganali. Pereżempju, fir-rigward tat-trasport transfruntier, jeżistu diversi ostakli li jwasslu għal sitwazzjonijiet fejn tista’ tingħata prijorità lill-gambli u mhux lill-isotopi radjuattivi li jkunu fi triqithom biex isalvaw ħajjet pazjent.
Huwa għalhekk li, fl-Opinjoni tiegħu dwar il-provvista ta’ isotopi radjuattivi mediċi, il-KESE jappella għal kooperazzjoni aħjar fost l-Istati Membri biex jitneħħew l-ostakli regolatorji. L-Opinjoni tagħti ħarsa lejn kull stadju tal-katina tal-provvista tal-isotopi radjuattivi fl-Ewropa u tidentifika l-ostakli fil-konsenji transfruntiera kif ukoll id-dipendenzi fuq pajjiżi terzi. Hija tippreżenta wkoll soluzzjonijiet għall-infrastruttura nieqsa fl-Ewropa u l-ħtieġa għal riċerka u żvilupp koordinati.
Fir-rakkomandazzjonijiet ippreżentati fl-Opinjoni tagħna, il-KESE jinsab allinjat mal-konklużjonijiet li ntlaħqu fis-summit ta’ April tal-kapijiet tal-Istati tal-UE, li enfasizzaw il-ħtieġa li jitnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi tal-Ewropa f’setturi sensittivi bħas-saħħa u t-teknoloġiji kritiċi. Huma enfasizzaw ukoll, f’konformità mar-rapport ta’ Enrico Letta, il-ħtieġa li ssir enfasi fuq il-forniment transfruntier ta’ servizzi, kif ukoll il-moviment transfruntier tal-merkanzija, inklużi oġġetti essenzjali bħall-mediċini.
L-Ewropa jeħtiġilha tipprovdi inċentivi tal-produzzjoni sabiex tiżgura awtonomija strateġika aħjar fil-provvista ta’ isotopi radjuattivi. Minkejja li hija mexxejja dinjija fil-provvista ta’ isotopi radjuattivi mediċi, l-Ewropa għandha dipendenzi kritiċi fuq l-Istati Uniti u r-Russja għall-provvista tal-uranju metalliku b’arrikkiment baxx ta’ assaġġ għoli (HALEU) u għall-provvista ta’ ċerti isotopi arrikkiti għall-miri ta’ produzzjoni ta’ isotopi radjuattivi.
L-UE tibqa’ dipendenti ħafna mir-Russja għall-provvista ta’ miri tal-isotopi stabbli li jippermettu l-produzzjoni ta’ ċerti isotopi radjuattivi għal radjoterapiji molekulari moderni jew li qed jiġu żviluppati, bħall-Itterbju-176 użat għall-produzzjoni tal-Lutezju-177.
Dan jippreżenta sfida reali għall-katina tal-provvista għal dan l-isotopu radjoattiv speċifiku, li għalih id-domanda globali hija mistennija li tittripplika fis-snin li ġejjin.
Il-katina tal-provvista tiddependi wkoll fuq sistemi ta’ produzzjoni li jużaw reatturi jew aċċelleraturi, kif ukoll fuq l-ipproċessar u l-konsenja lill-isptarijiet. Sabiex jiġi żgurat aċċess ugwali għall-kura, l-Istati Membri, u b’mod partikolari ċ-ċentri ta’ riċerka u l-isptarijiet, għandhom jaħdmu aktar mill-qrib flimkien. L-aċċess għat-terapija tar-radjazzjoni mhuwiex uniformi fl-Istati Membri kollha tal-UE, speċjalment fil-fażi ta’ żvilupp u fil-fażi pilota. L-għan huwa li jkun hemm aċċess aktar rapidu għall-mediċini fil-fażi tar-riċerka jew f’użu ħanin, kif ukoll li jittejjeb l-aċċess għal sptarijiet żgħar li jista’ jkollhom nuqqas ta’ għarfien espert u infrastruttura. Għal xi pazjenti dan l-aċċess jista’ jkun vitali.
Il-finanzjament Ewropew tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fil-mediċina nukleari, b’mod partikolari fil-programmi Orizzont u Euratom, huwa kruċjali biex jirrispondi għall-ħtiġijiet tal-pazjenti. L-Ewropa għandu jkollha proġetti strateġiċi ta’ interess komuni f’dan il-qasam taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) futur tal-UE. L-istrateġija SAMIRA tal-Kummissjoni Ewropea u l-Inizjattiva Qafas Ewropea dwar ir-Radjoisotopi (ERVI) b’rabta mal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer huma proġetti siewja. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tmur lil hinn u tinkludi l-mediċina nukleari b’mod aktar prominenti fil-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer u fil-Missjoni dwar il-Kanċer ta’ Orizzont Ewropa.
L-Istati Membri għandhom jiffinanzjaw ukoll il-politiki tas-saħħa pubblika b’enfasi fuq it-teknoloġiji radjoloġiċi u nukleari mediċi. Dan se jagħti sinjal pożittiv lill-industrija u se jippermetti li r-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll l-infrastruttura industrijali jiġu żviluppati u jikbru fl-Ewropa. Se jattira wkoll aktar nies lejn is-settur.
Bħala konklużjoni huwa biss permezz ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi kuraġġużi li se nkunu nistgħu niżguraw aħjar il-provvista tal-isotopi radjuattivi fl-Ewropa u nilħqu d-domanda dejjem tikber tal-pazjenti.