European Economic
and Social Committee
Il-Kummissarju Johansson tappella lill-KESE jappoġġja l-approċċ ta’ Tim Ewropa dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema
Fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ April, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iddiskuta l-Pakkett dwar il-Mobbiltà tat-Talenti. Din l-inizjattiva tinkludi sensiela ta’ miżuri ġodda mfassla biex l-Unjoni ssir aktar attraenti għat-talent minn barra l-UE, u biex jiffaċilitaw il-mobbiltà fi ħdanha.
Il-kelliema mistiedna, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni Ylva Johansson, appellat għall-appoġġ tal-KESE biex ilaqqa’ flimkien l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex iħaddnu din l-innovazzjoni u jiżguraw li jkun hemm politika effettiva dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema.
Waħda mill-miżuri bażiċi fil-Pakkett dwar il-Mobbiltà tat-Talenti hija l-inizjattiva “Riżerva ta’ Talent”, l-ewwel għodda volontarja ta’ tqabbil fil-livell tal-UE, fejn l-Istati Membri interessati jistgħu jlaqqgħu flimkien l-impjegaturi tal-UE ma’ persuni li qed ifittxu impjieg minn pajjiżi terzi.
Il-President tal-KESE Oliver Röpke enfasizza li “L-UE qed tiffaċċja nuqqas serju ta’ ħaddiema u ħiliet minħabba t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u diġitali, kif ukoll sfidi demografiċi. Il-Pakkett dwar il-Mobbiltà tat-Talenti jista’ jkun strument wieħed fost oħrajn biex jittaffew dawn l-isfidi”.
Il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Interni, Ylva Johansson, appellat għal approċċ ta’ Tim Ewropa għall-migrazzjoni tal-ħaddiema b’dimensjoni Ewropea usa’. “Il-migrazzjoni tal-ħaddiema hija prinċipalment kompetenza nazzjonali u ser tibqa’ tkun hekk. Iżda jeħtieġ li noħolqu approċċ ta’ Tim Ewropa, bl-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jaħdmu flimkien biex iwasslu inizjattivi ġodda u jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-politiki dwar il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol.”
Il-membru tal-KESE Tatjana Babrauskienė, relatur għall-Opinjoni dwar Pakkett dwar il-Mobbiltà tat-Talenti adottata f’din il-plenarja, enfasizzat li “Ir-Riżerva ta’ Talent tal-UE jeħtieġ li tkun għodda prattika, faċli biex tintuża u affidabbli li tkun attraenti għall-ħaddiema u għall-impjegaturi. Fl-istess ħin, trid tappoġġja l-migrazzjoni legali ġusta u etika tal-ħaddiema”. (at)