L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jinsabu taħt attakk madwar l-Ewropa u l-Amerika. L-UE jeħtiġilha taġixxi minn issa biex tiddefendihom u tissalvagwardja d-demokrazija. Fid-dibattitu plenarju tiegħu fil-Jum Internazzjonali tal-NGOs, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) kellu messaġġ ċar: l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma d-difensuri tad-demokrazija fuq quddiem nett. Bit-tnaqqis ta’ fondi li qed jhedded is-sopravivenza tagħhom, l-UE jeħtiġilha tieħu azzjoni immedjata biex tipproteġihom u tappoġġjahom.

Fis-27 ta’ Frar, il-KESE kellu dibattitu dwar L-UE u s-Soċjetà Ċivili: It-tisħiħ tad-Demokrazija u l-Parteċipazzjoni, li fih ir-rappreżentanti u l-esperti mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs) ingħataw l-opportunità jiddiskutu u jevalwaw ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’dan il-qasam kruċjali

Raquel García Hermida-Van Der Walle, MEP minn Renew Europe, indikat li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili spiss jikkontribwixxu għall-kontrokontrolli. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jipprovdu wkoll metodi differenti ta’ interazzjoni soċjali, li potenzjalment jissostitwixxu s-servizzi tal-gvern li jistgħu jkunu assenti. Minħabba f’hekk, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma l-ewwel li jkunu fil-mira, peress li jistgħu jkunu politikament inkonvenjenti għal ċerti gvernijiet.

Nicholas Aiossa, direttur ta’ Transparency International Europe, qal “hemm kampanja politika orkestrata fil-Parlament Ewropew biex tiskredita, tiddefinanzja u tfixkel ir-rwol u l-funzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Ma nstabet l-ebda evidenza ta’ irregolaritajiet finanzjarji.”

F’Jannar, il-Partit Popolari Ewropew (PPE) ċentru-lemin tal-Parlament Ewropew akkuża lill-NGOs ambjentali u klimatiċi li ġew iffinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea biex jagħmlu lobbying mal-Parlament, ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE u mal-MEPs, u b’hekk qanqlu r-rabja fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Ewropa.

Il-kritika lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mhijiex ġdida, iżda l-attakki reċenti ġew amplifikati bl-aħbarijiet foloz u l-miżinformazzjoni. Kif stqarret Brikena Xhomaqi, il-kopresident tal-Grupp ta’ Kuntatt tal-KESE, is-sitwazzjoni hija tbeżbiża biex l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha jingħaqdu flimkien u jagħmlu bidla. “In-nies għandhom ikunu jafu li l-biċċa l-kbira tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiddependu mix-xogħol volontarju, għalhekk mgħandniex nberbqu flus il-kontribwenti.”

Il-parteċipanti appellaw ukoll lill-Kummissjoni Ewropea biex titkellem b’mod aktar qawwi dwar dan is-suġġett, u pproponew għadd ta’ soluzzjonijiet biex jissaħħaħ ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Is-Sinjura García Hermida-Van Der Walle qalet li se tinsisti biex ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġi rikonoxxut u msaħħaħ aktar fir-rapport dwar l-istat tad-dritt u fil-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità bħala kundizzjoni abilitanti.

Michał Wawrykiewicz, MEP mill-PPE, qal li l-missjoni tiegħu kienet li jqajjem kuxjenza dwar dawn is-suġġetti fundamentali fil-grupp tiegħu. Punt ieħor li qajjem kien li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jiġu infurmati li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-NGOs huma organizzazzjonijiet li joperaw fuq il-post, u jipprovdu servizzi kruċjali li jaffettwaw direttament ħajjet in-nies.

Il-President tal-KESE Oliver Röpke laqa’ l-pożizzjonijiet tar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u ddikjara li: “għandha nirreżistu t-tentattivi li jiddeleġittimizzaw dawn l-organizzazzjonijiet jew joħonqu l-aċċess tagħhom għar-riżorsi essenzjali għall-parteċipazzjoni demokratika. Mir-restrizzjonijiet finanzjarji sal-pressjonijiet politiċi dejjem jiżdiedu, huwa ovvju li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom bżonn appoġġ aktar b’saħħtu u aktar prevedibbli biex ikomplu l-ħidma essenzjali tagħhom.” (at)