Fil-15 ta’ Frar, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) nieda uffiċjalment l-inizjattiva tiegħu biex jilqa’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili mill-pajjiżi kandidati tal-UE. Intgħażlu total ta’ 131 'membru kandidati għat-tkabbir' biex jiffurmaw il-grupp ta’ esperti tas-soċjetà ċivili li ser jipparteċipaw fil-ħidma tal-Kumitat, u b’hekk il-KESE sar l-ewwel istituzzjoni li fetaħ il-bibien tiegħu għall-pajjiżi kandidati tal-UE.

Din l-inizjattiva hija l-prijorità politika tal-President tal-KESE Oliver Röpke. Hija tistabbilixxi standards ġodda għall-involviment tal-pajjiżi kandidati fl-attivitajiet tal-UE, u tiffaċilita l-integrazzjoni progressiva u tanġibbli tagħhom fl-UE.

L-inizjattiva ġiet inawgurata fis-sessjoni plenarja tal-KESE, fejn irċeviet merħba mill-qalb minn Věra Jourová, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Milojko Spajić, Prim Ministru tal-Montenegro, u Edi Rama, Prim Ministru tal-Albanija. Magħhom ingħaqdu rappreżentanti tas-soċjetà ċivili minn disa’ pajjiżi kandidati tal-UE (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Georgia, il-Moldova, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja, it-Turkija u l-Ukrajna) u minn membri kandidati għat-tkabbir oħrajn online. Kollha pparteċipaw f’dibattitu plenarju tal-KESE għall-ewwel darba.

F’din l-okkażjoni storika, il-President Röpke enfasizza: “Ma nistgħux inżommu aktar lill-pajjiżi kandidati fil-kamra ta’ stennija. Huwa għalhekk li l-KESE ddeċieda li jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pajjiżi kandidati u jinvolvi lir-rappreżentanti tagħhom – il-membri kandidati għat-tkabbir – fil-ħidma tagħna”.

Il-Prim Ministru Spajić qal: “Napprezzaw ħafna dawn l-aspetti tal-integrazzjoni gradwali. Aħna ma narawx dan bħala sostitut għas-sħubija, iżda mod kif nippreparaw kemm il-pajjiżi tar-Reġjun tal-Balkani tal-Punent (f’konformità mal-approċċ “regatta” bbażat fuq il-mertu) kif ukoll l-UE għall-integrazzjoni.’

Il-Prim Ministru Rama stqarr: “Jiena nemmen bis-sħiħ li dak li qed iseħħ hawnhekk jista’ jseħħ ujkoll fil-Parlament tal-UE, għandu jseħħ fil-Kummissjoni Ewropea u għandu jseħħ fil-Kunsill Ewropew. Dan huwa l-uniku mod kif nistgħu nserrħu moħħ kulħadd u nintroduċu enerġija konkreta ħafna”.

Věra Jourová, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Valuri u t-Trasparenza, qalet: “It-tkabbir huwa l-interess reċiproku tagħna. Jibqa’ investiment ġeostrateġiku għall-Unjoni. Huwa għalhekk li nappoġġjaw it-tnedija tal-inizjattiva tal-lum u l-oħrajn kollha li jgħinu lill-pajjiżi msieħba tagħna jirnexxu bi sforzi ta’ riforma li jwasslu għal ekonomija aħjar u demokrazija aktar b’saħħitha”.

Il-lista sħiħa tal-membri kandidati għat-tkabbir magħżula għall-pool hija disponibbli hawnhekk. (at)