European Economic
and Social Committee
Mhux biss atleti Paralimpiċi, imma atleti tal-aqwa livell
Il-KESE organizza dibattitu biex jiċċelebra kemm il-Jum Internazzjonali għal Persuni b’Diżabbiltà kif ukoll l-ispirtu Olimpiku matul is-sessjoni plenarja tiegħu tal-5 ta’ Diċembru fi Brussell.
Il-KESE ċċelebra kemm il-Jum Internazzjonali għal Persuni b’Diżabbiltà kif ukoll l-ispirtu Olimpiku billi stieden persuni mid-dinja tal-isport Paralimpiku – inklużi l-atleta Paralimpiku Belġjan u champion Joachim Gérard.
Waqt il-ftuħ tas-sessjoni, il-President tal-KESE Oliver Röpke qal li "Dan id-dibattitu jenfasizza l-ħtieġa urġenti li nindirizzaw id-differenza fl-impjiegi li jiffaċċjaw il-persuni b’diżabbiltà. Minkejja l-oqfsa legali eżistenti, huma ħafna l-persuni esklużi mis-suq tax-xogħol minħabba ostakli persistenti. Il-KESE jappella għal azzjoni biex jinħolqu postijiet tax-xogħol inklużivi, jitneħħew l-ostakli sistemiċi u jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għal kulħadd. Ewropa li tkun tassew inklużiva ma trid tħalli lil ħadd jibqa’ lura.”
Is-Sur Gérard, plejer u champion Belġjan tat-tennis tas-siġġu tar-roti, qal lill-plenarja li meta beda jilgħab it-tennis għall-ewwel darba, spiss kien milqugħ b’sorpriża u saħansitra protesti li kien se “jirrovina l-piċċ” bis-siġġu tar-roti tiegħu. “F’dawn l-aħħar 10 snin, rajna progress kbir fir-rwol tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa fid-dinja tal-isport. Lgħabt f’għadd ta’ Gran Slams madwar id-dinja, u permezz ta’ dan il-logħob u l-Paralimpiċi, inħoss li qed insir dejjem aktar aċċettat bħala atleta tal-ogħla livell. Mhux biss atleta Paralimpiku, imma atleta tal-aqwa livell.
Anne d’Ieteren, president tal-Federazzjoni tal-Komunità Frankofona għall-Isport b’Diżabbiltà (La Ligue Handisport Francophone), indikat li minkejja s-suċċessi kbar murija mil-Logħob Paralimpiku, għad hemm ħafna ostakli fil-ħajja ta’ kuljum tal-persuni b’diżabbiltà. “Għadd sinifikanti ta’ faċilitajiet sportivi għadhom inaċċessibbli, b’faċilitajiet ta’ parkeġġ inadegwati jew disinn fqir. Dawn jistgħu jidhru bħala problemi żgħar, iżda l-effett kumulattiv tagħhom jista’ jeskludi u jiskoraġġixxi l-parteċipazzjoni.”
Aurel Laurenţiu Plosceanu, il-Viċi President tal-KESE responsabbli għall-komunikazzjoni, laqa’ lis-Sur Gérard u lis-Sinjura d’Ieteren, u qal li “l-preżenza u r-rekord tagħhom ifakkruna dwar kemm l-eċċellenza fl-atletika tista’ tkun ta’ ispirazzjoni għalina lkoll li nistinkaw biex nisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħna, waqt li juru wkoll ir-rwol essenzjali li l-persuni b’diżabbiltà jaqdu fis-soċjetà tagħna u b’mod partikolari fid-dinja sportiva.”
Christophe Lefèvre, president tal-Grupp Permanenti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà tal-KESE, argumenta favur l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ aċċessibbiltà tal-UE b’indikaturi ta’ aċċessibbiltà, li jkopri oqsma bħall-akkomodazzjoni sostenibbli, l-isport, il-ġustizzja u l-edukazzjoni, waqt li Pietro Vittorio Barbieri (membru tal-Grupp Permanenti) żied jgħid li “Huwa essenzjali li l-persuni kollha b’diżabbiltà li jgħixu fl-Ewropa jkollhom aċċess għall-isport u l-edukazzjoni, sabiex ilkoll jiġu ggarantiti l-istess privileġġi fis-soċjetà.” (lm)