European Economic
and Social Committee
Il-KESE se jingħaqad mal-Kummissjoni biex jiddefendi s-soċjetà ċivili
F’dibattitu ma’ Michael McGrath, Kummissarju għad-Demokrazija, il-Ġustizzja, l-Istat tad-Dritt u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, il-KESE wissa dwar it-tentattivi li għaddejjin biex isikktu, jiskreditaw u jdgħajfu lil dawk li jiddefendu d-demokrazija, il-ġustizzja soċjali u d-drittijiet fundamentali, u esprima r-rieda tiegħu li jingħaqad mal-Kummissjoni biex jipproteġi s-soċjetà ċivili tal-Ewropa u jiġġieled il-polarizzazzjoni.
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jinsab lest jaqdi rwol prattiku fl-Istrateġija tal-UE għas-Soċjetà Ċivili futura, li l-Kummissjoni Ewropea qed tħejji biex issaħħaħ id-demokrazija u l-ispazju ċiviku u tgħaqqad komunitajiet mifrudin fl-UE kollha. L-attakki kontra l-gruppi tas-soċjetà ċivili u l-media indipendenti qegħdin dejjem jiżdiedu, u l-KESE ha l-impenn li jrażżanhom u jgħin fil-protezzjoni tal-pedamenti ta’ soċjetà ħielsa u miftuħa.
“Il-KESE jinsab sod fl-impenn tiegħu li jiddefendi, jipproteġi u jipprovdi l-mezzi lis-soċjetà ċivili. Bħala Dar is-Soċjetà Ċivili Ewropea, mhux se nkunu osservaturi passivi. Se nreġġgħu lura b’mod attiv it-tentattivi li jdgħajfu l-ispazju ċiviku. Ser nippromovu appoġġ aktar b’saħħtu, protezzjoni aħjar u rikonoxximent akbar tar-rwol tas-soċjetà ċivili fit-tisħiħ tad-demokraziji tagħna,” enfasizza l-President tal-KESE Oliver Röpke fis-sessjoni plenarja tal-KESE fis-27 ta’ Marzu, li fiha sar dibattitu ta’ livell għoli mal-Kummissarju McGrath dwar id-depolarizzazzjoni tas-soċjetajiet.
Is-Sur Röpke qal li l-NGOs u l-movimenti fil-livell taċ-ċittadini qed jitħabtu dejjem aktar kontra rigress demokratiku, leġiżlazzjoni restrittiva, kampanji ta’ malafama u kawżi strateġiċi li huma maħsuba biex isikktu d-dissens u huma parti minn sforz usa’ biex jiskreditaw u jdgħajfu lil dawk li jippromovu d-demokrazija, il-ġustizzja soċjali u d-drittijiet fundamentali.
B’referenza għall-akkużi reċenti li saru minn ċerti MEPs kontra NGOs ambjentali, is-Sur Röpke wissa li huwa partikolarment allarmanti li l-attakki mhumiex ġejjin bissa minn barra l-istituzzjonijiet tagħna: f’ċerti każijiet, kienu ġejjin minn ġewwa.
Il-Kummissarju McGrath qal li l-KESE kien f’pożizzjoni unika biex jagħti kontribut siewi ħafna għall-isforzi tal-Kummissjoni biex issaħħaħ id-demokrazija u tnaqqas il-firdiet fis-soċjetà. Huwa kien tal-fehma li l-aħjar mod biex tiġi indirizzata l-polarizzazzjoni kien billi l-Ewropej jingħataw il-mezzi u jħossuhom rappreżentati: “Jekk niksbu dan, jirnexxielna nqarrbu l-komunitajiet, is-soċjetajiet u l-Unjoni tagħna lejn xulxin. Aħna nafu li, nagħmlu x’nagħmlu, l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili se jibqa’ wieħed kruċjali.”
L-Istrateġija tal-UE għas-Soċjetà Ċivili l-ġdida, imħabbra fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2025, se tappoġġja, tipproteġi u tagħti l-mezzi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem.
Id-dibattitu fil-plenarja ppreżenta wkoll il-punti ewlenin mill-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili 2025 tal-KESE, li saret taħt l-istrixxun “It-tisħiħ tal-koeżjoni u l-parteċipazzjoni f’soċjetajiet polarizzati”. Il-kelliema inkludew lil Brikena Xhomaqi, kopresident tal-Grupp ta’ Kuntatt li ppreżentat it-talbiet ewlenin tal-Ġimgħa, lir-rebbieħ tal-Premju għas-Soċjetà Ċivili Richard Vaško mill-Assoċjazzjoni tad-Dibattitu Slovakka, u lill-attivista taż-żgħażagħ Kristýna Bulvasová, li ppreżentat ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin mill-avveniment annwali taż-żgħażagħ tal-KESE, L-Ewropa Tiegħek, Leħnek (YEYS).(ll)