European Economic
and Social Committee
Avjazzjoni – il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta pjan ta’ rkupru komprensiv
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa pjan direzzjonali komprensiv għall-irkupru tas-settur tal-avjazzjoni Ewropew kollu, b’riżorsi speċifiċi sabiex jiġu appoġġjati s-sottosetturi kollha u l-forza tax-xogħol tagħhom. Fl-Opinjoni mħejjija minn Thomas Kropp u adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Settembru, il-Kumitat qabel li hija meħtieġa politika ta’ rkupru ambizzjuża u koordinata, sabiex issir distinzjoni ċara bejn il-fażi inizjali ta’ rkupru, fuq terminu qasir, u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kompetittività internazzjonali tas-settur u kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fuq perjodu ta’ żmien medju u twil.
Waqt li kien qed jitkellem mill-marġni tas-sessjoni plenarja, is-Sur Kropp qal li: “Għalkemm is-settur tal-avjazzjoni iffaċċja kriżijiet qabel, din il-kriżi hija waħda mingħajr preċedent. Skont stimi aġġornati, is-settur mhux se jirkupra kompletament qabel l-2024. L-istituzzjonijiet Ewropej u korpi internazzjonali oħra għad iridu jikkoordinaw miżuri regolatorji biex jistabbilixxu standards internazzjonali. Is-settur tal-avjazzjoni ma jikkonċernax biss lil-linji tal-ajru: huwa wkoll dwar partijiet importanti oħrajn, bħall-ajruporti, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, fornituri tas-servizzi fuq l-art u fornituri ta’ servizzi oħrajn, li jeħtieġ li jitqiesu lkoll sabiex jinstabu soluzzjonijiet.”
B’mod ġenerali, il-Kummissjoni jeħtiġilha tfittex li jkun hemm bilanċ xieraq bejn il-miżuri ta’ rkupru u r-rekwiżiti finanzjarji li jirriżultaw mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, sabiex jiġi evitat li jiġu imposti piżijiet regolatorji addizzjonali, b’mod partikolari fil-fażi ta’ rkupru, peress li s-settur kollu jinsab fraġli mil-lat finanzjarju.