Minn Maurizio Mensi u Michal Pinter

Jeħtieġ li l-lista tal-materja prima kritika tibqa’ flessibbli u tiġi rieżaminata kull sentejn biex iżżomm il-pass mal-iżviluppi teknoloġiċi u streteġiċi

In-nuqqas ta’ materja prima kritika (CRMs) li jaffettwa lill-Ewropa jista’ jiġi indirizzat biss permezz ta’ strateġija tal-UE ambizzjuża u komprensiva li tikkombina l-investiment, l-innovazzjoni, ir-riċiklaġġ, is-sostenibbiltà u s-sigurtà tal-provvista. L-Att tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Materja Prima Kritika huwa jintlaqa’ b’sodisfazzjon peress li jagħmel dan kollu. Dan jgħin ukoll biex jiġu evitati distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni u frammentazzjoni tas-suq uniku

Illum, l-UE tiddependi mill-importazzjonijiet għal bejn 75% u 100% ta’ ħafna mill-materja prima li teħtieġ, u dan jagħmilha kemm ekonomikament kif ukoll strateġikament vulnerabbli (nikkunsidraw biss biss il-projbizzjoni tal-esportazzjoni tal-gallju u tal-ġermanju introdotta reċentement miċ-Ċina).

Il-popolarità dejjem tikber tat-teknoloġiji nodfa (vetturi elettriċi, batteriji, sistemi solari fotovoltajċi, eċċ.) hija l-kaġun ta’ ħafna miż-żieda qawwija fid-domanda għas-CRMs bejn l-2017 u l-2022, u s-settur tal-enerġija huwa l-ixprun ewlieni għal-litju (li d-domanda għalih aktar minn triplat), il-kobalt (żieda ta’ 70%) u n-nikil (żieda ta’ 40%). Fid-dawl ta’ dan, huwa ċar li s-sigurtà ekonomika nnifisha tal-UE tiddependi mis-sigurtà tal-provvista tal-materja prima kritika tagħha, peress li r-riskji fil-ktajjen tal-provvista tal-materja prima kritika jaffettwaw l-ekonomija kollha u s-suq uniku.

Il-KESE jqis li l-ewwel ħaġa li għandha ssir hija li jiġi żgurat qafas legali prevedibbli u stabbli biex jiġu attirati investimenti mhux biss fl-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-materja prima, iżda wkoll fl-ipproċessar u r-riċiklaġġ (li jistgħu jipprovdu kwantitajiet sinifikanti ta’ ram, litju, nikil, kobalt u minerali prezzjużi oħra minn batteriji użati, skart tal-minjieri, eċċ.).

It-tieni, neħtieġu lista flessibbli ta’ materja prima kritika li tista’ faċilment tiġi adattata u aġġornata mill-inqas kull sentejn. Dan għaliex minbarra l-materjali elenkati bħala strateġiċi jew kritiċi fil-leġiżlazzjoni proposta, hemm oħrajn li bħalissa mhumiex kritiċi iżda jistgħu jsiru fuq perjodu ta’ żmien medju sa twil. L-importanza strateġika ta’ materjali differenti għandha tiġi vvalutata wkoll fil-livell settorjali biex tirrifletti d-domanda fid-diversi industriji.

It-tielet, jeħtieġ li niżguraw appoġġ pubbliku wiesa’. L-espansjoni tal-industriji estrattivi, tal-ipproċessar u tar-riċiklaġġ se toħloq impjiegi ġodda u ġġib magħha progress ekonomiku. Fl-UE, is-settur tal-materja prima jipprovdi direttament madwar 350 000 impjieg, u aktar minn 30 miljun impjieg fil-manifattura jiddependu mill-aċċess għall-materja prima minerali. Iżda l-aċċettazzjoni pubblika ma tistax titqies bħala fatt. L-iżgurar li l-UE jkollha provvista sostenibbli ta’ materja prima u avvanzata se jirrikjedi aktar minn 1.2 miljun impjieg ġdid sal-2030. Huwa essenzjali li jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-ħiliet fil-qasam akkademiku, iżda wkoll fl-industrija tal-materja prima u fl-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri, u jinħtieġu miżuri kemm għall-ħaddiema tas-settur kif ukoll għall-uffiċjali pubbliċi.

Element ewlieni ieħor huwa li jiġi żgurat aċċess għal kwantitajiet suffiċjenti ta’ elettriku affidabbli u mhux ibbażat fuq il-fjuwils fossili bi prezzijiet kompetittivi. Il-KESE jixtieq jara riforma tal-finanzjament disponibbli biex tiġi appoġġjata l-fażi tal-kummerċjalizzazzjoni u jiġu koperti l-ispejjeż operattivi, minflok ma tingħata prijorità lill-fażi tar-riċerka u l-iżvilupp ta’ proġetti strateġiċi ġodda, kif inhu l-każ illum il-ġurnata. Dan jgħin lill-UE tirreplika l-ambizzjonijiet tal-Att tal-Istati Uniti dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni.

Għandna nappoġġjaw ukoll is-swieq tal-materja prima sekondarja, bis-saħħa ta’ miżuri biex jinħolqu swieq li jiffunzjonaw tajjeb u jiġi minimizzat it-telf tar-ruttam. Fil-fatt, is-swieq tal-materja prima sekondarja huma kruċjali għal ekonomija ċirkolari u jistgħu jibbenefikaw mit-tneħħija tal-ostakli regolatorji, ekonomiċi jew tekniċi li jinħolqu fl-istadji differenti tal-katina tal-valur.

Il-KESE jissuġġerixxi li l-finanzjament pubbliku għandu jingħata aktar faċilment jekk l-estrazzjonijiet ikunu bbażati fuq studji ekonomiċi u ambjentali preliminari li jivvalutaw l-impatt tas-sustanzi niġġiesa tal-estrazzjoni. Huwa għalhekk li tinħtieġ koordinazzjoni mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, uħud mill-istrumenti tal-antitrust tal-UE għandhom jiġu adattati biex jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi ta’ din il-leġiżlazzjoni, filwaqt li jiġu evitati distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni fis-suq intern (pereżempju, il-qafas ta’ kontroll jista’ jiġi applikat b’mod aktar flessibbli għall-fużjonijiet, u għandhom jitqiesu mhux biss l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, iżda wkoll l-objettivi tal-leġiżlazzjoni dwar is-CRMs).

Fl-aħħar nett, neħtieġu miżuri effettivi ta’ difiża kummerċjali biex nipproteġu investimenti Ewropej ġodda u niżguraw li nkunu nistgħu nikkompetu ma’ atturi ewlenin oħra. Biex tiddiversifika s-sorsi esterni tas-CRMs, l-UE għandha teżamina sħubijiet u ftehimiet ta’ kooperazzjoni, anke mal-pajjiżi kandidati tal-UE, tiffinanzja proġetti biex jiġu żviluppati kampanji ta’ prospettar f’siti ġodda speċifiċi u/jew f’siti minerarji abbandunati. Sħubijiet bħal dawn jistgħu jkunu kundizzjonali fuq impenn mill-pajjiżi kandidati biex jallinjaw il-politiki ambjentali tagħhom b’mod aktar rapidu mal-liġi u l-istandards tal-UE.