European Economic
and Social Committee
It-8 Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Balkani tal-Punent jagħmilha ċara li post il-Balkani tal-Punent jinsab fl-UE
Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Balkani tal-Punent tal-KESE, li sar fi Skopje fit-30 ta’ Settembru u l-1 ta’ Ottubru, xeħet dawl qawwi fuq is-sitwazzjoni attwali tal-prospetti ċari tar-reġjun fir-rigward tal-adeżjoni mal-UE u l-involviment attiv tas-soċjetà ċivili f’dan l-isforz.
Il-Forum, organizzat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew f’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali, wasal f’waqtu, ftit jiem qabel is-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent f’Brdo, taħt il-Presidenza Slovena.
Il-Prim Ministru tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, Zoran Zaev, qal: “It-tisħiħ tal-proċess ta’ adeżjoni – perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent – huwa s-suġġett ġust fil-mument opportun minħabba l-imblokk tat-tkabbir impost.”
Il-President tal-KESE Christa Schweng affermat l-appoġġ ċar tal-Kumitat għat-tkabbir tal-UE għall-pajjiżi tar-reġjun.
“Tassew nemmen li post il-Balkani tal-Punent jinsab fl-UE. M’għandniex ninsew ukoll li kwalunkwe diskussjoni dwar it-tkabbir hija, b’mod impliċitu, diskussjoni dwar il-futur tal-Ewropa, u s-soċjetà ċivili, kemm mir-reġjun kif ukoll mill-UE, għandha tkun involuta bis-sħiħ fil-proċess.”
Il-Kummissarju għall-Viċinat u t-Tkabbir Olivér Várhelyi kkummenta: “It-triq lejn l-UE hija twila, ikkumplikata u mimlija sfidi. Iżda dawk li huma verament iddedikati jaslu. U għalija, m’hemmx dubju – il-futur tal-Balkani tal-Punent huwa l-Unjoni Ewropea.”
Bi tkomplija ma’ dan, Gašper Dovžan, segretarju tal-istat fil-ministeru tal-affarijiet barranin tas-Slovenja, qal li t-tkabbir kien pass loġiku u proċess ta’ benefiċċju reċiproku li kien jeħtieġ ambizzjoni u reżiljenza.
L-involviment attiv tas-soċjetà ċivili huwa essenzjali fil-proċess tal-adeżjoni
Biljana Spasovska, min-Network tal-Iżvilupp tas-Soċjetà Ċivili tal-Balkani, esprimiet it-tħassib tagħha dwar l-ispazju li dejjem jiċkien u t-tnaqqis fil-finanzjament tas-soċjetà ċivili, u qalet li l-libertajiet bażiċi tqiegħdu taħt pressjoni, speċjalment matul il-pandemija.
Il-parteċipanti tal-Forum enfasizzaw l-importanza li tiġi ggarantita l-libertà ta’ assoċjazzjoni u li jiġi żgurat spazju ċiviku abilitanti.
Ġew diskussi wkoll il-linji gwida għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Ekoloġika u l-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment. Madankollu, is-suċċess ta’ dawn jiddependi fuq l-inklużjoni sinifikanti u l-involviment attiv tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politika.
Il-finanzjament pubbliku għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jeħtieġ li jiġi riformat fil-pajjiżi kollha fir-reġjun u s-soċjetà ċivili jeħtieġ li tkun indipendenti u ħielsa mill-influwenza politika.
Id-dikjarazzjoni finali tat-8 Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Balkani tal-Punent tinsab hawnhekk. (at)