Martin Siecker: Naraw dejjem is-sabiħ tal-ħajja

Kollox huwa ġdid, din hija l-ewwel pandemija li għext personalment. Fit-tiftixa fuq l-internet sibt lista bl-agħar għaxar pandemiji fl-istorja u tgħallimt li l-aħħar waħda li laqtet l-Ewropa qabel il-COVID-19 kienet l-influwenza Spanjola fl-1920. U jien għandi ż-żmien - imma mhux daqshekk xiħ.

Is-sieħba tiegħi tista’ taqbadha l-marda faċilment minħabba li għandha reżistenza baxxa għall-mard, u jekk taqbadha xi ħaġa tkun vulnerabbli immens għal mard tal-pulmun respiratorju u kroniku. Għalhekk insibuha diffiċli ħafna li jkollna kuntatti ma’ oħrajn. Dan iġib esperjenzi ġodda għalina t-tnejn. Kważi għażlet minn rajha li toqgħod f’iżolament biex tevita li tiġi nfettata. U jkolli nagħmel l-affarijiet li kienet tagħmel qabel hi, bħax-xiri ta’ prodotti tal-merċa. Qabel il-kriżi, tajt sehmi nimbotta l-karru tax-xiri metru ’l bogħod warajha waqt li kienet timlih bil-merċa. Imma issa mhux l-istess.

Kien ħafif nimbotta; sempliċiment insegwi u nhewden kif nista’ noħloq dinja aħjar hija u timla l-karru. Mindu rrid nimla l-karru jien stess, ninsab ipparalizzat bl-istress tal-għażla fuq kull xkaffa. Il-lista tax-xiri ssemmi l-kafè, u fuq l-ixkaffa hemm għexieren ta’ ditti differenti li kollha jidhru l-istess. U liema toilet paper għandna bżonn - b’saff 1, 2, 3 jew 4 saffi? Marti taf liema prodotti trid u fejn qegħdin, nidħlu u noħorġu f’temp ta’ minuti. Għalija l-ħwienet huma labirinti: fit-taqsima tal-birra biss ma jkollix l-iskumdità tal-għażla, il-bqija kollox jeħodli s-sigħat - mitluf f’dilemmi li jitilfuk minn sensik.

Inħsadt bir-rispons tan-Netherlandiżi fil-bidu fir-rigward tal-pandemija. Ir-reazzjoni tagħhom kienet unanima u ta’ solidarjetà. Sfortunatament grupp żgħir ta’ individwi żammew l-attenzjoni umana tagħhom għal perjodu ta’ żmien pjuttost qasir, grupp deplorabbli li tilef is-sens ta’ solidarjetà fi żmien ftit ġimgħat. In-nies waqfu jirrispettaw ir-regoli, waħħlu fil-gvern talli dgħajjef id-drittijiet fundamentali tagħhom u llimita l-erba’ libertajiet tagħhom. Allura, biex jeżerċitaw id-dritt inaljenabbli tagħhom li jixxalaw, fetħu kawżi legali kontra l-istat - mitlufin f’dagħdija ta’ ġenn.

B’xorti tajba ngħixu fl-Ewropa, fejn id-demokrazija u l-istat tad-dritt huma relattivament iggarantiti sew (f’ħafna mill-Istati Membri) u l-kura tas-saħħa hija tajba meta mqabbla ma’ partijiet oħrajn tad-dinja. Ħarsa lejn kif qed jintlaqtu l-ġenerazzjonijiet differenti huwa ċar li minħabba l-età tagħhom huma ż-żgħażagħ li qed isofru l-iktar minħabba l-virus. Ta’ dsatax tkun mistenni li tinnamra, tiskopri s-sesswalità tiegħek u biex tiskopri dik il-ħaġa li tissejjaħ imħabba. Waqt il-pandemiji kull tgħanniqa innoċenti hija tabù. Minħabba dan iż-żgħażagħ iħossu nuqqas ta’ sigurtà - b’xewqat li ma jissodisfawx.

Il-mistoqsija prinċipali hija x’se nagħmlu bl-ekonomija. Bidu mill-ġdid ibbażat fuq il-prinċipju ta’ “żamma tal-istatus quo” ladarba l-pandemija tkun taħt kontroll? Jew naħtfu l-opportunità, nitbiegħdu minn sistema maħkuma minn monopolisti kannibali u nadottaw mudell inklużiv li jinkludi inizjattivi sostenibbli u fuq skala żgħira f’koeżistenza paċifika ma’ kumpaniji kbar responsabbli? L-għażla bejn status quo jew inkella nibdlu l-imġiba tagħna tan-ngħaġ ta’ Bendu se tiddetermina l-ġejjieni tagħna u tagħżel bejn is-sopravivenza jew l-estinzjoni tagħna - mitlufin fl-abbissi tal-qerda tagħna stess.

Nixtiqilkom ilkoll żmien sabiħ, b’meditazzjoni, riflessjoni u - lil dawk ikkonċernati - indiema.