F’Marzu 2020, bdejna nintebħu li l-pandemija tal-COVID-19 ma kinitx biss kriżi tas-saħħa; imma kienet se tinfluwenza ħafna aspetti ta’ ħajjitna. Għall-assoċjazzjonijiet u l-attivisti deher ċar ukoll li konna se nħabbtu wiċċna ma’ sfidi ġodda fil-ħidma tagħna tas-soltu. U kif żvolġew l-affarijiet, is-sitwazzjoni kienet agħar milli konna qed nistennew.

F’Mejju 2020, organizzajna “xarba virtwali”. Wara xahrejn ta’ lockdown u ħidma online, qtajniha li niltaqgħu u niddiskutu l-ħsibijiet tal-bidu tagħna dwar dan il-perjodu.

Qattajna ftit sigħat f’dibattitu mqanqal flimkien mal-kollegi mill-Forum Ċiviku Ewropew, network transnazzjonali li jlaqqa’ flimkien aktar minn 100 assoċjazzjoni u NGO minn 27 pajjiż fl-Ewropa, li jwettqu ħidma attiva dwar kwistjonijiet bħall-edukazzjoni ċivika, id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u l-konsulenza dwar id-demokrazija. Kulħadd kellu l-perspettiva nazzjonali tiegħu jew tagħha, imma l-konklużjonijiet kienu jixtiebhu.

Abbażi ta’ dawn id-diskussjonijiet, abbozzajna t-tagħlimiet li ġejjin…
L-ewwel tagħlima: Is-sigurtà tagħna tiddependi fuq is-sigurtà ta’ persuni oħrajn
Għandna bżonn saħħa u protezzjoni soċjali universali għal kulħadd fis-soċjetà tagħna u madwar id-dinja kollha.

It-tieni tagħlima: Ilkoll kemm aħna vulnerabbli u d-destini tagħna jinsabu f’nisġa waħda.
Is-solidarjetà, l-ugwaljanza, id-drittijiet u l-kura jridu jkunu l-bażi tar-relazzjonijiet internazzjonali u tar-realtà ta’ kuljum tan-nies.

It-tielet tagħlima: Il-ġid komuni jeżisti
L-istituzzjonijiet pubbliċi jridu jipprovdu, jipproteġu u jimplimentaw l-ġid komuni, u mhux l-interessi speċifiċi.

Ir-raba’ tagħlima: Id-demokrazija hija l-vaċċin li lkoll neħtieġu kontra l-virus
Is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, l-informazzjoni affidabbli, ir-riċerka pubblika u l-edukazzjoni u istituzzjonijiet trasparenti lkoll jiżguraw il-ġid komuni.

Il-ħames tagħlima: Is-sistema tas-suq globali falliet
Jeħtieġ nirrilokaw il-produzzjoni, nimplimentaw l-ekonomija ċirkolari u jkollna introjtu bażiku universali għal kulħadd.

Is-sitt tagħlima: Aħna l-kustodji tad-dinja u mhux is-sidien tagħha
In-natura qed tinqeda bil-lockdown biex tirkupra mill-ħsara li għamilna. Jeħtieġ li nirrestawraw l-ġustizzja ambjentali fid-dinja.

Is-seba’ tagħlima: Il-ħaddiema essenzjali huma tassew eroj. In-nisa jinsabu fuq il-front
Il-kontribut tan-nisa jeħtieġ jiġi rikonoxxut fil-ġerarkija soċjali, dawk li ma jidhrux irid ikollhom il-kapaċità li jaċċessaw drittijiethom bis-sħiħ.

It-tmien tagħlima: Il-ħin jeħtieġ jgħaddi aktar bil-mod
Il-lockdown ġiegħelna nagħtu l-importanza mistħoqqa għar-relazzjonijiet soċjali, il-paċenzja u l-ħniena: jeħtieġ li dan jissokta fit-tul.

Id-disa’ tagħlima: Għandna bżonn sigurtà umana, soċjali u ekoloġika
Jeħtieġ li nimpenjaw ruħna favur irkupru ġust u tranżizzjoni ġusta f’pajjiżna, fl-Ewropa u madwar id-dinja kollha.

L-għaxar tagħlima: Il-ġejjieni jrid ikun differenti mill-passat
Hemm bżonn nieħdu dawn it-tagħlimiet u naġixxu flimkien.

Hemm opportunità li nitgħallmu aktar wara l-kriżi? Kapaċi li nsarrfu l-kriżi f’opportunità ġdida?
Ninsab konvinta li l-ġejjieni jrid ikun differenti mill-passat.