European Economic
and Social Committee
Il-KESE jissuġġerixxi flussi ta’ dħul innovattivi ġodda għall-baġit tal-UE
Il-KESE pprovda r-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tiegħu għal ġenerazzjoni ġdida ta’ riżorsi proprji għall-baġit tal-UE. F’Opinjoni ġdida, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa l-Qafas għat-Tassazzjoni tal-Introjtu (BEFIT), u jissuġġerixxi li tiġi kkunsidrata taxxa fl-UE kollha fuq it-tranżazzjonijiet diġitali u imposta addizzjonali mmirata lejn il-kumpaniji li jimportaw prodotti minn manifatturi ta’ pajjiżi terzi li ma jiżgurawx protezzjoni adegwata tal-ħaddiema.
Jeħtieġ li s-sorsi ta’ dħul għall-baġit tal-UE jerġgħu jiġu kkunsidrati fil-kuntest tal-pressjonijiet baġitarji ta’ wara l-pandemija li jiffaċċjaw l-Istati Membri, it-tensjonijiet internazzjonali li għaddejjin bħalissa u l-ambjent attwali ta’ rati tal-imgħax ogħla. “Aħna nirrakkomandaw baġit tal-UE b’saħħtu, li jipprovdi lill-UE bil-mezzi finanzjarji meħtieġa biex tilħaq l-ambizzjonijiet politiċi tagħha, u biex nimxu lejn riżorsi proprji aktar ġenwini li jgħinu biex nitbiegħdu mill-enfasi fuq il-bilanċi netti, li huwa ta’ detriment għall-integrazzjoni Ewropea”, ikkummenta r-relatur Philip von Brockdorff matul l-adozzjoni tal-Opinjoni fil-plenarja. Proposta tal-Kummissjoni għal sett aġġustat ta’ riżorsi proprji, ibbażat fuq it-tassazzjoni korporattiva u rilaxxat fl-20 ta’ Ġunju 2023, lestiet it-tliet proposti l-oħra għal sorsi ġodda ta’ dħul li ġew ippreżentati fl-2021 iżda li għadhom ma ġewx adottati mill-Kunsill.
Bħala prerekwiżit għall-proposta ta’ riżorsa proprja bbażata fuq it-tassazzjoni korporattiva, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa L-Intrapriżi fl-Ewropa: Qafas għat-Tassazzjoni tal-Introjtu (BEFIT) malajr kemm jista’ jkun. Il-Kumitat iqis ukoll li huwa raġonevoli li tiġi esplorata l-possibbiltà li s-servizzi finanzjarji jiġu inklużi fil-BEFIT jew li jsir xogħol fuq taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (TTF) kif propost mill-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra imposta addizzjonali mmirata lejn kumpaniji tal-UE li jimportaw prodotti minn manifatturi ta’ pajjiżi terzi li ma jiżgurawx protezzjoni adegwata tal-ħaddiema. (tk)