minn Miguel Ángel Cabra de Luna, membru tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE

Opinjoni ġdida tal-KESE tippreżenta għadd ta’ proposti ta’ politika dwar kif l-aħjar nirrispondu għall-isfida li qiegħda tikber: iż-żieda qawwija fl-għadd ta’ persuni akbar fl-età fl-Ewropa.

Skont data reċenti u projezzjonijiet, l-għadd ta’ persuni ’l fuq minn 65 sena fl-Ewropa mistenni li jiżdied b’44.7% bejn l-2019 u l-2050. Il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat l-isfida strateġika li t-tixjiħ tal-popolazzjoni jirrappreżenta għall-UE u l-ħtieġa li tiġi riformata u mtejba l-kura fit-tul għall-anzjani. Issa li l-Oganizzazzjonij Dinjija tas-Saħħa ddikkjarat it-tmiem tal-emerġenza tal-COVID-19, u li l-UE tinsab f’taħdidiet dwar strateġija ġdida dwar it-tixjiħ, huwa l-ħin propizju biex nirriflettu dwar l-effetti li l-pandemija kellha fuq il-popolazzjoni akbar fl-età.

Diġà f’Jannar 2022, permezz tal-Opinjoni tal-KESE dwar Lejn mudell ġdid ta’ kura għall-anzjani: Nitgħallmu mill-pandemija tal-COVID-19, li jiena kont ir-relatur tagħha, il-KESE enfasizza l-ħtieġa urġenti għal bidla fil-paradigma u fil-mod kif ninvestu fil-kura għall-persuni akbar fl-età, u ta diversi rakkomandazzjonijiet. Issa Opinjoni ġdida li se ssir votazzjoni dwarha fil-plenarja tal-KESE ta’ Lulju telabora dwar dawn il-kwistjonijiet.

L-Opinjoni tenfasizza l-ħtieġa li tiġi adottata strateġija ġdida dwar il-persuni akbar fl-età bil-għan li jiġu mħarsa d-drittijiet tagħhom u li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni bis-sħiħ tagħhom fis-soċjetà u l-ekonomija. Il-KESE jissuġġerixxi wkoll li tinħoloq aġenzija Ewropea għall-persuni akbar fl-età, li tiġi ddikjarata sena Ewropea tal-persuni akbar fl-età, li tiġi adottata konvenzjoni tan-NU dwar id-drittijiet tal-persuni akbar fl-età, u li jiġu aġġornati jew stabbiliti liġijiet dwar l-appoġġ għall-persuni akbar fl-età u l-protezzjoni tal-awtonomija tagħhom. Barra minn hekk, aħna nenfasizzaw il-ħtieġa għal aktar finanzjament u aċċess universali għall-kura, u għall-iżvilupp u t-taħriġ fit-teknoloġiji innovattivi li jippromovu l-awtonomija u l-kura, u miżuri biex jiġi żgurat taħriġ adegwat għall-persuni li jindukraw.

Huwa importanti li l-persuni akbar fl-età jitqiesu fil-politiki Ewropej, u li jiġu żgurati aċċessibbiltà u kwalità tal-kura fit-tul għalihom u għall-familji tagħhom, sabiex jiġu żgurati l-awtonomija, il-benesseri u d-dinjità tagħhom. Huwa wkoll importanti li l-approċċ għat-tixjiħ u għall-persuni akbar fl-età ma jitqiesx bħala piż jew spiża għas-soċjetà, iżda bħala parti mill-benefiċċji soċjali u ekonomiċi li se jinkisbu billi tiġi żgurata inklużjoni attiva akbar tal-persuni akbar fl-età.

Il-KESE se jkompli jikkontribwixxi bl-ideajiet u l-proposti tiegħu f’dan ir-rigward. Il-membri tiegħu jemmnu li dan is-suġġett għandu jkun ta’ prijorità fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2024. Il-kredibbiltà tal-mudell soċjali Ewropew tinsab fil-periklu, b’mod partikolari f’Ewropa li qed tixjieħ b’mod aktar rapidu minn kwalunkwe reġjun ieħor fid-dinja.