Mill-Grupp tal-Ħaddiema

Il-Ġermanja ħadet f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE fi żmien kruċjali għall-Ewropa, fejn l-Unjoni tagħna tinsab f’salib it-toroq. Qed niffaċċjaw l-aktar kriżi brutali li esperjenzajna fi żmien ta’ paċi f’dawn l-aħħar 90 sena, b’aktar minn mitt elf mewta fl-Ewropa biss u xokkijiet ekonomiċi massivi, biex ma nsemmux l-inċertezza ta’ aktar mewġiet tal-pandemija. Matul ix-xhur diffiċli tal-lockdown, il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa, kif ukoll il-ħaddiema li jagħmlu l-kunsinni, dawk li jaħdmu fis-supermarkets u fil-qasam tas-sanità – impjiegi li ħafna drabi huma prekarji u mhux imħallsa tajjeb – ġarrbu l-piż tal-isforz biex il-pajjiżi tagħna jibqgħu għaddejjin.

“Flimkien għall-irkupru tal-Ewropa” huwa motto li lkoll nappoġġjaw, madankollu l-prinċipji tiegħu ta’ sostenibbiltà, ġustizzja, sigurtà, valuri komuni u innovazzjoni jridu jitwettqu fil-prattika. Inizjattivi konkreti taħt il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali – bħall-paga minima Ewropea, l-implimentazzjoni tal-prinċipju paga ugwali għal xogħol ugwali, l-istazzjonar tal-ħaddiema u kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti – huma aktar meħtieġa minn qatt qabel.

Minflok il-miżuri ta’ awsterità tal-kriżi li għaddiet, li daħluna ġo spiral ’il isfel ta’ dejn u staġnar u li naqsu bil-kbir ir-riżorsi tas-sistema tal-kura tas-saħħa (li prezz ta’ dan qegħdin inħallsuh b’ħajjitna), l-Ewropa teħtieġ miżuri robusti u komuni għal pjan ta’ rkupru u bini mill-ġdid, kemm fit-terminu l-qasir kif ukoll fit-tul. Qegħdin niffaċċjaw depressjoni tal-PDG ta’ 15 %, u ż-żamma tal-istatus quo ma għandhiex tibqa titqies bħala alternattiva. Hekk kif il-kriżi taggrava, l-Istati Membri mhumiex mgħammra biex jindirizzawha, u nuqqas ta’ rispons koordinat Ewropew jista’ jwassal għal kollass soċjali u ekonomiku, li jippreġudika l-eżistenza nnifisha tal-UE.

Il-kompitu f’idejn il-Presidenza Ġermaniża huwa kbir immens, daqstant ieħor huma r-riskji ta’ falliment jekk il-pjani ta’ rkupru jibqgħu mblukkati fil-Kunsill, li jsiru inutli bil-vetoes nazzjonali fuq kull l-aħħar ewro jew jinbidlu f’salvataġġi fuq il-mudelli ta’ Troika li għamlu l-ħsara lill-UE għaxar snin ilu, li ħallewha mhux lesta għall-istat li issa tinsab fih. Kif tenna l-president tal-Grupp tal-Ħaddiema: “Aktar ma l-miżuri ta’ rkupru jkunu b’saħħithom u aktar ma jkunu mfassla skont il-ħtiġijiet tas-sitwazzjoni tal-Istati Membri u tal-popolazzjonijiet tagħhom, aktar tkun kredibbli l-Ewropa u aktar turi li hija kapaċi tilqa’ l-isfidi bla preċedent li qed niffaċċjaw f’din il-kriżi. Għalhekk hija kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali u solidarjetà, iżda hija wkoll difiża kontra kwalunkwe xejriet lejn l-awtoritarjaniżmu, li l-inugwaljanzi u d-differenzi soċjali jistgħu jinkoraġġixxu f’pajjiżi tal-UE ladarba tiġi kkontrollata l-emerġenza tas-saħħa”.