European Economic
and Social Committee
It-theddida tal-Kremlin li jaqta’ l-gass Russu u l-impatt tagħha fuq l-Ewropa. Barra mill-Polonja u l-Bulgarija, il-Finlandja, id-Danimarka u n-Netherlands issa huma fil-lista ta’ pajjiżi li huma fil-mira tal-gvern Russu u raw il-provvisti tal-gass tagħhom jinqatgħu.
Fit-18 ta’ Mejju, il-Kummissjoni Ewropea nediet il-pjan REPowerEU tagħha, li jilħaq EUR 300 biljun, biex jiġu eliminati l-importazzjonijiet tal-enerġija Russa sal-2027. Il-gvernijiet tal-UE qed ifittxu soluzzjonijiet dwar kif jissostitwixxu malajr il-provvisti tal-enerġija Russa. Dawn qed iħaffu l-introduzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u qed jonfqu bil-kbir biex jibnu l-infrastruttura meħtieġa għall-importazzjoni tal-gass naturali likwifikat u biex iħażnu l-gass. Qed ifittxu wkoll oqsma fejn l-enerġija tista’ tiġi ffrankata u l-gass jista’ jiġi sostitwit. Sadanittant, l-arloġġ qed itektek u ħadd ma jaf min imissi li jkun fil-mira f’ din il-logħba ta’ rulett Russa. M’hemmx dubju, is-sitwazzjoni hija serja ħafna u tesiġi azzjoni bla preċedent.
Jidher diffiċli li jsiru investimenti żejda fl-infrastruttura u li jiġu introdotti aktar sorsi rinnovabbli, speċjalment fi żminijiet meta ekonomiji qed jirkupraw mill-COVID-19. Kull euro li jintefaq għandu jiġi ġġenerat f’ekonomija li bħalissa qed tiffaċċja inflazzjoni għolja, u meta jissellef għandu l-prezz tiegħu u jikkontribwixxi għar-riskju ta’ dejn. Fl-istess ħin, ir-regoli tas-suq ifissru li, filwaqt li hemm domanda ogħla, il-prezzijiet qed jiżdiedu wkoll. Barra minn hekk, l-ispejjeż addizzjonali ta’ sikurezza u sigurtà kkawżati mill-gwerra jheddu li jgħollu dejjem iktar il-prezzijiet tal-enerġija. Sfida oħra li qed niffaċċjaw hija tfixkil fil-ktajjen tal-provvista li qed ixekkel l-introduzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.
Sabiex inħaffu l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji nodfa, il-Pjan REPowerEU bir-raġun jiffoka fuq it-tħaffif tal-proċeduri tal-għoti ta’ permess, bi proġetti ġodda tar-riħ u tax-xemx jiġu ddikjarati kwistjoni “prevalenti relatata mal-interess pubbliku”. Il-pjan jitlob ukoll, f’konformità mal-Opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni REPowerEU, li jiġu introdotti żoni “go-to” fil-livell nazzjonali f’żoni ta’ riskju ambjentali baxx. Fl-istess ħin, jissuġġerixxi li l-mira tal-UE għall-enerġija rinnovabbli tiżdied għal 45% sal-2030, żieda mill-mira ta’ 40% li ġiet ippreżentata s-sena l-oħra, u li l-mira tal-effiċjenza enerġetika tiżdied mill-mira ta’ 9% proposta f’Lulju 2021 għal 13%. Jipproponi wkoll li l-pannelli solari jsiru obbligatorji għal binjiet pubbliċi u dawk residenzjali ġodda sal-2025 u l-2029 rispettivament. Minħabba s-sitwazzjoni attwali tas-suq, huwa ċar li mhuwiex teknikament possibbli li jintlaħqu dawn il-miri. Huwa tajjeb li nkunu ambizzjużi, iżda rridu naħsbu dwar kemm huma realistiċi u affidabbli l-għanijiet tagħna.
Il-Kummissjoni tirrimarka wkoll fil-pjan li l-eliminazzjoni gradwali tal-enerġija Russa se twassal għal prezzijiet tal-enerġija ogħla u iktar volatili fl-Ewropa. Is-sitwazzjoni teħtieġ miżuri temporanji mmirati fl-Istati Membri li jgħawġu s-suq tal-UE mill-inqas possibbli, jew miżuri fil-livell tal-UE li ma jipperikolawx l-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni jew il-provvista tal-enerġija. Kollox ma’ kollox, interventi fis-suq jheddu li jaħdmu kontra l-objettivi fuq medda itwal ta’ żmien billi ser jikkawżaw inċertezzi fl-investiment u jiskoraġixxu d-dekarbonizzazzjoni fl-industrija tal-enerġija.
Is-suq tal-elettriku Ewropew wera li jista’ jopera tajjeb f’termini tal-evitar tat-tnaqqis tal-provvista tal-elettriku jew anke l-qtugħ tal-elettriku f’ċerti żoni. Is-solidarjetà bejn l-Istati Membri fis-suq tal-elettriku tal-UE ser tkun kruċjali, mhux biss aħna u nersqu lejn ix-xitwa li jmiss iżda wkoll hekk kif ngħaddu għall-fażi li jmiss f’din il-logħba ta’ rulett Russa.
Alena Mastantuono, membru tal-KESE