mill-membru tal-KESE Cristian Pîrvulescu

Id-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt, u d-demokrazija żgur li m’għadniex nistgħu ngħodduhom bħala ċerti fil-kontinent tagħna. Issa qed jidher dejjem aktar ċar li hemm bżonn niddefendu dawn il-valuri kontra l-populiżmu, id-diskors ta’ mibegħda, l-attakki fuq il-minoritajiet, l-ispazju li qed jonqos għas-soċjetà ċivili, u t-tendenza ta’ ċerti gvernijiet li jikkonċentraw il-poter. Il-Grupp Ad Hoc dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt huwa impenjat biex irawwem kultura komuni rigward id-drittijiet fundamentali fl-Ewropa.

Fis-snin reċenti l-kontinent tagħna għadda minn diversi kriżijiet li kienu ta’ sfida għall-valuri kollha tal-UE stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat. Sa mill-millennju l-ġdid, il-poplu tal-Ewropa kellu jiffaċċja għadd kbir ta’ sfidi bħal dawn, b’mod partikolari l-kriżi finanzjarja tal-2008 u l-miżuri ta’ awsterità ħorox li segwewha, iż-żieda fit-theddid għas-sigurtà u t-terroriżmu, l-isfida umanitarja ewlenija tas-sitwazzjonijiet iddisprati ta’ dawk li jfittxu asil, u l-akbar kriżi tas-saħħa f’seklu sħiħ.

Il-KESE ma setax jibqa’ passiv u ma jagħmel xejn. Fl-2018, ħoloq il-Grupp Ad Hoc dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt (Grupp FRRL), magħmul minn 21 membru – li għandi l-unur li qed nippresedih b’segwitu għall-kollega tiegħi, José Antonio Moreno Díaz – fejn is-soċjetà ċivili tista’ taqsam il-fehmiet tagħha dwar l-iżviluppi fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-Istati Membri.

Il-Grupp FRRL jorganizza żjarat fil-pajjiż fl-Istati Membri kollha tal-UE, fejn jiltaqa’ mal-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-professjonisti tal-liġi u tal-midja, u l-awtoritajiet nazzjonali. Fuq il-bażi tal-kontribut tagħhom, iħejji rapporti li jiddeskrivu s-sitwazzjoni f’kull pajjiż.

L-approċċ ġenerali mhuwiex li jipprovdi analiżi ġuridika imma pjuttost li jiffaċilita djalogu kostruttiv dwar kwistjonijiet li xi kultant ikunu polarizzati. Aħna rċevejna feedback pożittiv ħafna mir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li sabu li r-rapporti tabilħaqq qanqlu l-iskambji nazzjonali.

Objettiv ewlieni ieħor tal-Grupp FRRL huwa li jibni fuq dawn iż-żjarat fil-pajjiżi biex jenfasizza xejriet li jkunu qed jiżviluppaw fl-Ewropa. Din hija r-raġuni għaliex organizzajna l-ewwel konferenza f’Novembru 2019 - biex nippreżentaw l-istampa ġenerali li toħroġ mir-rapport ta’ sinteżi tal-ewwel żjarat fil-pajjiżi. F’Novembru 2021, ser norganizzaw it-tieni konferenza tagħna, din id-darba biex inlaqqgħu flimkien il-partijiet ikkonċernati għal dibattitu dwar ir-rapporti tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-istat tad-dritt.

L-għan tagħna fuq perjodu ta’ żmien medju huwa li niżviluppaw forum li jkopri firxa usa’ tas-soċjetà ċivili u li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jipparteċipaw f’dibattiti inklużivi u miftuħa dwar id-difiża tal-valuri tal-UE. Bħala stadju intermedju, dalwaqt se nniedu taqsima ġdida tal-web fejn il-partijiet ikkonċernati jistgħu jaqsmu l-kontributi li taw bil-miktub.

Il-Grupp FRRL irid li jaqdi r-rwol tiegħu fl-iżvilupp ta’ kultura Ewropea komuni rigward id-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt, u d-demokrazija. Minbarra ż-żjajjar fil-pajjiżi u l-konferenzi, il-Grupp FRRL ta attenzjoni partikolari għall-kriżi attwali tal-COVID-19, u organizza seduti ta’ smigħ dwar l-impatti u l-irkupru – u nieda żewġ Opinjonijiet fuq inizjattiva proprja dwar l-impatt u dwar l-aspett tal-istat tad-dritt tal-fondi għall-irkupru.

B’mod ġenerali, il-valur miżjud prinċipali tal-Grupp FRRL huwa li jikkontribwixxi bil-perspettiva soċjo-ekonomika dwar id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, u joħloq koalizzjoni tat-tipi kollha ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż l-imsieħba soċjali. L-Opinjoni tagħna dwar L-impatt tal-istat tad-dritt fuq it-tkabbir ekonomiku tissimbolizza dan l-approċċ u l-interess dejjem jikber tal-impjegaturi, tal-ħaddiema, u tal-forzi tas-soċjetà ċivili rrappreżentati fil-Grupp Diversità Ewropa, f’dawn il-kwistjonijiet. Il-parteċipazzjoni attiva tal-gruppi kollha hija ċentrali għall-ħidma tal-Grupp FRRL.